© R
oute
55 /
Shut
ters
tock
.com
Missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjatimill-perspettiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
RAPPORT TA’ SINTEŻI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
MTREG.NO. BE - BXL - 27
Rue Belliard/Belliardstraat 991040 Bruxelles/Brussel
BELGIQUE/BELGIË
Persuna inkarigata mill-pubblikazzjoni: Unità taż-Żjarat u l-PubblikazzjonijietEESC-2016-14-MT
www.eesc.europa.eu
© L-Unjoni Ewropea, 2016Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali.
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
1/14
MISSJONI TA’ ĠBIR TA’ INFORMAZZJONI TAL-KESE DWAR IS-
SITWAZZJONI TAR-REFUĠJATI,
KIF IĦARSU LEJHA L-ORGANIZZAZZJONIJIET TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI
(Diċembru 2015 – Jannar 2016)
Rapport ta’ Sinteżi
16 ta' Marzu 2016
MESSAĠĠI EWLENIN
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew japprezza bis-sħiħ ir-rwol importanti li qed twettaq is-
soċjetà ċivili fil-kriżi tar-refuġjati attwali. Mingħajr dan, is-sitwazzjoni umanitarja traġika li feġġet
f’ħafna pajjiżi Ewropej setgħet kienet ħafna iktar katastrofika.
Permezz tal-impenn tiegħu biex jagħti leħen lil dawk involuti, il-KESE wettaq 11-il missjoni ta’ ġbir
ta’ informazzjoni - fl-Awstrija, l-Isvezja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Ġermanja, il-Kroazja, is-Slovenja, l-
Italja, Malta, il-Polonja u l-Bulgarija. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ dawn il-missjonijiet, u l-esperjenza
konsiderevoli tal-Membri tiegħu, il-KESE, bħala rappreżentant u sostenitur tas-soċjetà ċivili
organizzata, qed jippreżenta l-messaġġi ewlenin tiegħu lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE
biex jindirizzaw il-kriżi tar-refuġjati1.
a. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex jiksbu Sistema Komuni
Ewropea tal-Asil ġenwina, kif stipulat fl-Artikolu 78 tat-TFUE, kif ukoll tqassim ġust tar-
refuġjati. Il-kriterji tal-UE komuni li jiddeterminaw jekk xi ħadd ikunx intitolat għal
protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu msaħħa u implimentati b’mod korrett.
b. Ir-Regolament ta’ Dublin għandu jiġi rieżaminat, b’kunsiderazzjoni li l-pajjiżi tal-ewwel
wasla ta’ spiss huma biss pajjiżi ta’ tranżitu għar-refuġjati.
c. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jallokaw biżżejjed riżorsi nazzjonali
(persunal, finanzjament u infrastruttura) għall-akkoljenza u l-għajnuna għar-refuġjati. Jekk l-
organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu d-dmirijiet tal-Istati Membri, kif jiġri f’ħafna
postijiet, il-gvernijiet għandhom jikkumpensawhom b’mod xieraq. Barra minn hekk, l-
organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jeħtieġu aċċess iktar faċli għall-finanzjament tal-UE.
d. L-Istati Membri huma responsabbli mill-implimentazzjoni tar-rekwiżiti obbligatorji tal-
Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Il-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament
1
Għandha ssir distinzjoni ċara bejn refuġjati skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex intitolati għal
status ta' protezzjoni. Dawn il-messaġġi ewlenin jiffukaw fuq ir-refuġjati.
2/14
Ewropew għandhom jaċċettaw ir-responsabbiltà biex jappoġġjaw lill-Istati Membri b'mod
attiv, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw il-kriżi tar-refuġjati.
e. Il-kisbiet tas-Sistema ta’ Schengen għandhom jiġu ppreservati. Kontrolli tal-fruntieri esterni
effiċjenti huma prekundizzjoni biex tinżamm is-Sistema ta' Schengen. Is-sigurtà tal-fruntieri
ma tfissirx l-għeluq tagħhom għal dawk li għandhom bżonn protezzjoni għal raġunijiet
umanitarji, skont il-Konvenzjoni ta' Ġinevra.
f. Ir-refuġjati jeħtieġu rotot sikuri u regolari biex jaslu fl-UE, sabiex jiġu evitati aktar imwiet,
ksur tad-drittijiet tal-bniedem u espożizzjoni għall-kuntrabandu u t-traffikar. Hemm bżonn
approċċ aktar ikkoordinat mill-partijiet interessati Ewropej u internazzjonali kollha involuti.
g. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw ir-refuġjati fil-pajjiżi
ġirien ta’ żoni ta’ kunflitt.
h. Il-kampanji ta’ informazzjoni għandhom jiddisswadu lill-migranti ekonomiċi milli jissugraw
ħajjithom biex jippruvaw jaslu fl-UE. Id-deċiżjonijiet biex jitbgħatu lura persuni li kellhom
it-talba tagħhom għall-asil miċħuda, għandhom jiġu infurzati. L-istejjer ta’ persuni li
jirritornaw għandhom iservu ta’ deterrent u jikkumbattu t-tixrid ta’ informazzjoni preġudikata
tal-kuntrabandisti.
i. Il-mandat u r-riżorsi tal-Frontex għandhom ikunu msaħħa sabiex jittejbu l-operazzjonijiet ta’
tfittxija u salvataġġ. Frontex għandu jkollha rwol akbar fir-reġistrazzjoni fuq il-fruntieri
esterni.
j. Sabiex il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni isir kompletament funzjonali, ir-reġistrazzjoni fuq il-
fruntieri esterni tal-Ewropa għandha tkun obbligatorja, il-hotspots kollha ppjanati għadhom
isiru operattivi u attivi 24/7 u jeħtieġ li jiġu kkunsidrati aktar hotspots. L-Istati Membri
għandhom jonoraw il-wegħda tagħhom li jiġi skjerat persunal għall-hotspots u jagħmlu riżorsi
addizzjonali disponibbli.
k. Dawk li jfittxu asil iridu jingħataw informazzjoni aġġornata dwar id-drittijiet u l-obbligi
tagħhom mal-wasla tagħhom u b’lingwa li huma jifhmu. Ir-refuġjati, b'mod partikolari dawk
l-iktar vulnerabbli, u l-voluntiera li jaħdmu magħhom, jeħtieġu għajnuna adegwata.
Għandhom jiġu pprovduti servizzi mediċi fil-punti tal-wasla.
l. Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u mal-
gvernijiet tagħhom, jeħtieġ li titjieb u tiġi professjonalizzata biex tiġi żgurata s-sostenibblità.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu linja ċara ta’ responsabbiltà għall-kwistjoni ħafna
drabi trasversali tal-akkoljenza ta’ u l-assistenza lir-refuġjati u jiggarantixxu l-koordinazzjoni
tal-awtoritajiet pubbliċi f’livelli varji.
3/14
m. L-UE għandha tagħmel aktar sabiex tikkoordina l-isforzi umanitarji u tiggarantixxi preżenza u
viżibilità akbar tal-UE fil-pajjiżi li huma d-destinazzjonijiet ewlenin tar-refuġjati –
pereżempju permezz tad-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili
(ECHO) tal-Kummissjoni Ewropea jew permezz ta’ xi korp ieħor simili.
n. Għandu jiġi kkunsidrat it-tħassib tal-popolazzjoni lokali. Madankollu, kwalunkwe diskors ta’
mibegħda, informazzjoni żbaljata dwar ir-refuġjati u diskors ksenofobiku għandu jkun
ibbilanċjat sew u l-kontributi pożittivi tar-refuġjati għandhom jiġu enfasizzati sabiex jinbidel
il-mod kif jintwerew fuq il-midja. Ir-refuġjati m'għandhomx jitqiesu bħala theddida iżda bħala
opportunità għall-mudell ekonomiku u soċjali tal-Ewropa.
o. Aktar minn qatt qabel, huwa importanti li jiġu implimentati politiki ekonomiċi b’saħħithom
sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi għal kulħadd. L-għajnuna għar-refuġjati
u l-integrazzjoni tagħhom huma stimolu ekonomiku fihom infushom. It-tkabbir u l-impjiegi
jgħinu fil-ġlieda kontra l-ostilità lejn ir-refuġjati.
p. Politiki ta' integrazzjoni sostenibbli fit-tul, li jkopru l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-
ħiliet, edukazzjoni u taħriġ, inkluż l-edukazzjoni ċivika u korsijiet fil-lingwi, jeħtieġ li jiġu
applikati mill-aktar fis possibbli, jekk ħa jkun mistenni riżultat pożittiv tal-proċedura tal-asil.
Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għandha tiġi promossa f’kooperazzjoni mal-imsieħba
soċjali. L-investiment f’miżuri ta’ integrazzjoni se jagħti riżultati fuq perjodu medju u twil
waqt li l-ispiża tan-nuqqas ta’ integrazzjoni tkun kbira ħafna.
Wara l-missjonijiet ta’ tiftix tal-fatti, il-KESE issa huwa aktar imħejji biex jikkontribwixxi għas-
soluzzjoni tal-kriżi tar-refuġjati u għall-politiki dwar l-integrazzjoni tar-refuġjati. Bħala rappreżentant
tas-soċjetà ċivili organizzata, il-KESE, ser jindirizza l-ħtiġijiet, l-osservazzjonijiet u r-
rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE, iċ-ċittadini Ewropej u l-organizzazzjonijiet
tagħhom. Biż-żieda tal-għarfien espert tagħna, kif ukoll il-perspettivi Ewropej u globali, il-KESE ser
ikompli jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politiki tal-UE fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni.
Daħla
Il-persekuzzjoni, il-kunflitti u l-faqar wasslu lil aktar minn miljun persuna biex ifittxu s-sikurezza
tagħhom fl-Ewropa fl-2015, wara vjaġġi li jisfidaw il-mewt fuq l-art u fuq il-baħar. 57 % minnhom
kienu Sirjani li ħarbu mill-gwerra f’pajjiżhom, filwaqt li l-Afgani kienu jammontaw għal 24 % u l-
Iraqini għal 9 %. Oħrajn ġew minn pajjiżi bħall-Pakistan, l-Eritrea u s-Somalja2. Il-maġġoranza
assoluta tan-nies waslu fl-Ewropa wara li qasmu l-baħar Mediterran u waslu primarjament fil-Greċja u
fl-Italja. Minn dawn, 3 735 sfaw mitlufa u huwa maħsub li dawn spiċċaw għerqu3. Sfortunatament,
għal dawk li rnexxielhom isalvaw, il-wasla tagħhom fl-Ewropa rari kienet tfisser it-tmiem tat-tbatija u
2
UNHCR, Regional refugee and migrant response plan for Europe 2016, ippubblikat fis-26 ta’ Jannar 2016
3 http://www.unhcr.org/5683d0b56.html.
4/14
tal-kundizzjonijiet ħorox. Il-kundizzjonijiet ħżiena tal-akkoljenza, il-kuntrabandisti, il-ħallelin, l-
inċidenti ta’ korruzzjoni u l-vjolenza mill-pulizija u mill-gwardja tal-fruntieri, il-kundizzjonijiet tat-
temp severi, il-fruntieri magħluqin, il-kontrolli tal-passaporti u ċ-ċittadini Ewropej dejjem aktar ostili
huma biss uħud mid-diffikultajiet li jkollhom jiffaċċjaw l-irġiel, in-nisa u t-tfal li jfittxu refuġju fl-
Ewropa.
L-awtoritajiet pubbliċi responsabbli fil-livell reġjonali u nazzjonali ta’ spiss sabuha diffiċli sabiex
jipprovdu rispons adegwat għall-wasla ta’ numri kbar ta’ migranti fl-2014 u fl-2015. Il-voluntiera, id-
donaturi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u l-awtoritajiet lokali sikwit kellhom rwol
ewlieni fid-diversi fażijiet tal-proċess tal-asil. F’xi każijiet, is-sindki lokali marru lil hinn mir-
responsabbiltajiet tagħhom sabiex jimlew il-lakuna li ħallew l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali,
filwaqt li r-rwol tas-soċjetà ċivili kien wieħed notevoli u jkompli jkun essenzjali. F’xi pajjiżi, l-
awtoritajiet lokali fir-reġjuni tal-fruntieri akkumulaw djun sostanzjali sabiex jiffinanzjaw l-isforzi
tagħhom.
F’Diċembru 2015 u Jannar 2016, id-delegazzjonijiet tal-KESE żaru 11-il Stat Membru tal-UE (u hija
ppjanata żjara addizzjonali fit-Turkija) sabiex jiltaqgħu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li
jaħdmu mar-rifuġjat u l-migranti bil-għan li jidentifikaw il-problemi, il-ħtiġijiet, il-fallimenti, l-istejjer
ta’ suċċess u l-aqwa prattiki tad-diversi parteċipanti fil-kriżi tar-refuġjati attwali, bl-għan aħħari jkun
li jipprovdu kontribut għat-tfassil tal-politika tal-UE. Kull delegazzjoni kienet magħmula minn tliet
membri u kienet appoġġjata mis-segretarjat tal-KESE. Id-delegazzjonijiet żaru l-Awstrija, il-
Bulgarija, il-Kroazja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u l-
Iżvezja u ltaqgħu ma' 183 parti interessata b’kollox, prinċipalment minn organizzazzjonijiet tas-
soċjetà ċivili.
Dan ir-rapport ta’ sinteżi jipprovdi ħarsa ġenerali lejn is-sejbiet ewlenin tad-delegazzjonijiet, b’enfasi
partikolari fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ politika sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-kriżi tar-refuġjati
attwali u l-integrazzjoni fit-tul tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Ir-rapport ta’ sinteżi se
jkun supplimentat minn rapporti sommarji dettaljati tal-ħdax-il żjara ppjanati fil-pajjiżi.
1. It-tnaqqis tan-numru ta’ wasliet (irregolari)
Il-fatturi li jagħmlu l-wasla ta’ numri kbar ta’ refuġjati u migranti oħrajn partikolarment diffiċli huma
n-numru kbir ħafna ta’ nies illi jaslu f'perjodu ta' żmien qasir u l-fatt li l-maġġoranza tagħhom jaslu fl-
Ewropa b’mezzi irregolari. Is-sistema ta’ Dublin mhijiex adatta biex tirrispondi għall-fluss kbir ħafna
ta’ refuġjati. L-assistenza mogħtija lill-pajjiżi ġirien ta' żoni ta’ kunflitti u li jospitaw lir-refuġjati
mhijiex biżżejjed. Pajjiżi bħat-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan ħadu l-akbar sehem tar-refuġjati, inklużi
kważi 4,3 miljun Sirjan. Il-ħajja hemmhekk hija diffiċli u għalja għar-refuġjati, bi prattikament ebda
possibbiltà ta’ impijeg u nuqqas kroniku ta’ għajnuna. L-immigrazzjoni fl-Ewropa mistennija tissokta,
x’aktarx f’numri kbar.
5/14
1.1 L-indirizzar tal-kawżi ewlenin
Il-kawżi fundamentali taċ-ċaqliq sfurzat irid jiġi indirizzati, inkluż billi jtemmu l-kunflitt u jsibu
soluzzjonijiet politiċi għall-kriżijiet. L-isforzi tal-bini tal-paċi għandhom ikunu akkumpanjati
minn sforzi sabiex jerġgħu jinbnew il-pajjiżi u s-soċjetajiet wara snin ta’ gwerra.
L-għanijiet ewlenin fil-pajjiżi tal-oriġini għandhom ikunu s-sigurtà tal-bniedem ibbażata fuq id-
drittijiet u l-iżvilupp uman u soċjali li joffru prospetti reali għall-popolazzjonijiet lokali u
speċjalment għaż-żgħażagħ.
Jeħtieġ aktar investiment f'inizjattivi ta’ għajnuna u żvilupp, inklużi dawk imwettqa mill-
organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jtejbu s-sitwazzjoni tal-popolazzjonijiet spostati f’pajjiżi
fir-reġjuni qrib il-kunflitt, bħat-Turkija, il-Libanu jew il-Ġordan.
1.2 L-iżgurar ta’ rotot sikuri
Ir-refuġjati jeħtieġu rotot sikuri u regolari biex jidħlu fl-UE. L-imwiet, il-ksur tad-drittijiet
tal-bniedem u l-espożizzjoni għall-kuntrabandu u t-traffikar għandhom ikunu evitati. Dawn
għandhom jinkludu programmi ta’ ammissjoni umanitarja (risistemazzjoni), viżi umanitarji
maħruġa fl-ambaxxati, programmi ta’ sponsorizzazzjoni privata u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi
ta’ protezzjoni temporanja. Il-Kodiċi tal-Viża tal-UE għandu jiġi emendat sabiex jippermetti aktar
protezzjoni. Soluzzjoni potenzjali waħda hija li jiġu rreġistrati t-talbiet għall-asil barra mill-UE,
eż. fit-Turkija.
Fin-nuqqas ta’ rotot sikuri, għandhom jiġu pprovduti servizzi bla ħlas bħal trasport,
akkomodazzjoni u konnessjoni tal-internet fuq ir-rotot ta’ tranżitu sabiex jiġu evitati l-
kuntrabandu u l-esplojtazzjoni.
Il-mandat u r-riżorsi tal-Frontex għandhom jissaħħu, sabiex b’hekk hija jkollha rwol aktar
prominenti fil-proċessi tar-reġistrazzjoni u tal-kontroll fil-fruntieri.
1.3 Id-dissważjoni mill-ivvjaġġar b’mod irregolari
L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiddiswadu lill-migranti irregolari ekonomiċi potenzjali
milli jivvjaġġaw lejn l-UE, permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom.
Barra minn hekk, dawk li jirritornaw b'mod volontarju jistgħu jaġixxu bħala messaġġiera fil-
pajjiżi tal-oriġini tagħhom u jikkoreġu l-immaġni żbaljata li ta' spiss tinħoloq mill-kuntrabandisti.
2. Nilqgħu u ngħinu lir-refuġjati b’mod uman
Minbarra li tfittex modi kif tindirizza l-kawżi tal-flussi kbar fit-tul, jeħtieġ li l-UE tkun imħejjija
sewwa għall-flussi migratorji li mistennija jissoktaw u għandha tiżviluppa għodod tajbin sabiex tkun
tista’ tiġġestixxi dawn il-flussi b’mod effettiv. Ir-rotot migratorji u l-profili tal-immigranti dejjem
qegħdin jinbidlu, tant li jesiġu li l-pajjiżi jkunu flessibbli u jadattaw għal dawn ir-realtajiet dejjem
jinbidlu.
6/14
Is-soċjetà ċivili tiddeplora n-nuqqas ta’ approċċ komuni tal-UE għall-ġestjoni tal-influss kbir ta’
refuġjati u n-nuqqas ta’ sistema komuni tal-asil li tiffunzjona kif suppost. Il-liġijiet internazzjonali u
tal-UE rilevanti mhux dejjem ikunu implimentati kif suppost fl-Istati Membri. In-numri maqbula
għar-rilokazzjoni ma jaqblux mar-realtà tal-migranti li qed jaslu. Barra minn hekk, is-sistema ta’
rilokazzjoni tal-UE mhijiex qiegħda tiffunzjona kif suppost, tant li sal-lum ġew rilokati biss ftit
immigranti. Xi pajjiżi għalqu l-fruntieri tagħhom b’mod unilaterali, li huwa ta' theddida għas-sistema
ta’ Schengen.
2.1 Sistema Ewropea Komuni tal-Asil
Il-KESE jirrakkomanda:
It-tlestija ta' sistema Ewropea komuni u ġenwina tal-asil, li tkun ibbażata fuq il-protezzjoni tad-
drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà u r-responsabbiltà komuni. Din għandha tinkludi status tal-
asil uniformi u r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-asil, sabiex ikun garantit li
dawk li jfittxu l-asil ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess drittijiet u kundizzjonijiet ta’
akkoljenza u jgħaddu mill-istess proċedura fl-Istati Membri kollha. Dan jista’ jgħin sabiex
jintemm ‘ix-xiri tal-asil’.
Ir-reġistrazzjoni mal-wasla ta’ dawk kollha li jfittxu l-asil li jidħlu fl-UE jevita d-duplikazzjonijiet
fir-reġistrazzjoni. L-Istati Membri għandhom ukoll jaqsmu aħjar it-tagħrif dwar l-influss tar-
refuġjati. Il-Frontex għandha rwol akbar x’taqdi f’dan il-proċess.
Ir-reviżjoni tar-Regolament ta’ Dublin sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu aħjar u permanenti ta’
kondiviżjoni tar-responsabbiltà, li jappoġġja lill-Istati Membri fil-fruntieri esterni tal-UE. Dawn
il-pajjiżi m'għandhomx ikunu l-uniċi obbligati li jilqgħu lil dawk kollha li jkunu qegħdin ifittxu l-
asil li jidħlu fl-UE, jikkunsidraw l-applikazzjonijiet tagħhom għall-asil u minn hemm ’il quddiem
jintegrawhom.
Li l-hotspots kollha ppjanati għandhom isiru operattivi u attivi 24 siegħa kuljum. Jeħtieġ li jiġu
kkunsidrati aktar hotspots u l-Istati Membri għandhom jimpjegaw ħaddiema fil-hotspots u
jagħmlu riżorsi addizzjonali disponibbli.
Il-konformità mal-kwoti tar-rilokazzjoni fil-limiti ta’ żmien li għandhom jiġu stabbiliti u rispons
amministrattiv aktar malajr. Kull fejn possibbli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ħiliet
lingwistiċi, il-familja jew ir-rabtiet tad-dijaspora.
Jeħtieġ li l-Istati Membri jżidu l-kapaċità tal-ipproċessar tagħhom, kemm biex inaqqsu l-ispejjeż
kif ukoll biex itejbu s-sitwazzjoni tal-applikanti.
Li l-migranti li jkunu rċevew ordni ta’ ritorn jiġu riammessi malajr fil-pajjiż tal-oriġini, b’dinjità u
mgħammra bl-għodod għar-reintegrazzjoni, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-
oriġini.
2.2 L-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu l-asil u tar-refuġjati
L-awtoritajiet tal-Istati Membri jitħabtu sabiex jipprovdu rispons adegwat għall-wasla ta’ numri kbar
ta’ persuni li jfittxu l-asil. Ħafna minnhom ma għandhomx il-kapaċità u/jew ir-rieda politika li
7/14
jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ akkoljenza adegwati, assistenza medika, informazzjoni dwar il-
proċeduri legali u d-drittijiet ta’ dawk li jfittxu l-asil u tar-refuġjati. Hemm nuqqas ta’ finanzjament,
persunal imħarrġa u interpreti. Xi drabi, distribuzzjoni ambigwa tar-responsabbiltajiet u tal-
finanzjament bejn il-livelli ċentrali u deċentralizzati tiġġenera konfużjoni fl-attivitajiet ta’ għajnuna,
filwaqt li l-awtoritajiet lokali u l-OSĊ jagħmlu sforzi sabiex ilaħħqu mal-kriżi. Wara li jressqu
applikazzjoni għall-asil, ir-refuġjati normalment għandhom ikunu intitolati għal servizzi bażiċi bħal
akkomodazzjoni, iżda fir-realtà hemm nuqqasijiet kroniċi ta’ akkomodazzjoni adegwata u ħafna
refuġjati jibqgħu f’akkomodazzjoni temporanja. Nuqqas ta’ rispons adegwat mill-gvern iħalli lok għal
nies bla skrupli li japprofittaw mill-pożizzjoni vulnerabbli tar-refuġjati li jispiċċaw ifendu għal
rashom, pereżempju, billi jipprovdu oġġetti, akkomodazzjoni, impjiegi jew servizzi fiċ-ċirkwitu
irregolari.
Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda
Li l-Kummissjoni Ewropea tissorvelja t-traspożizzjoni adatta, u l-konformità mill-Istati
Membri kollha, tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-asil, b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-
Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza4.
Sorveljanza kontinwa tal-konformità legali tal-proċeduri tar-reġistrazzjoni u tal-asil (il-lingwa tal-
proċedura, l-għoti ta’ informazzjoni affidabbli u neċessarja, ir-rappreżentanza legali,
kundizzjonijiet tal-għajxien adegwati matul il-proċedura, eċċ.), speċjalment f’pajjiżi b’rata
evidentement baxxa ta’ deċiżjonijiet pożittivi dwar l-asil.
Li l-Istati Membri juru impenn politiku għall-akkoljenza ta’ u l-assistenza lir-refuġjati. Huma
għandhom jiddedikaw biżżejjed riżorsi nazzjonali (persunal, fondi u infrastruttura) għall-kriżi u
jimplimentaw pjani strateġiċi. L-akkoljenza tar-refuġjati hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru
kollu u l-awtoritajiet lokali għandhom ikunu appoġġjati mil-livell nazzjonali.
Li l-Istati Membri jistabbilixxu linja ċara ta’ responsabbiltà għall-kwistjoni ħafna drabi trasversali
tal-akkoljenza ta’ u l-assistenza lir-refuġjati u jiggarantixxu l-koordinazzjoni tal-awtoritajiet
pubbliċi f’livelli varji.
Li l-UE u l-Istati Membri tagħha iħejju għal kriżijiet simili li jseħħu fil-ġejjieni u jistabbilixxu
sistemi ta’ monitoraġġ speċifiċi għall-migrazzjoni.
Li l-Istati Membri iżommu l-għaqda tal-familja u joffru approċċ individwalizzat.
Li l-Istati Membri jipprovdu ċentri ta’ akkoljenza u tranżitu b’riżorsi adegwati, li għandhom joffru
għajnuna 24 siegħa kuljum, meta meħtieġa, speċjalment lill-persuni vulnerabbli.
Li l-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riżorsi neċessarji disponibbli biex inaqqsu l-ħin imqatta’
fl-akkomodazzjoni ta’ emerġenza – speċjalment għall-familji – u biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-
għajxien. Għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni fi ħdan komunitajiet lokali, pjuttost milli barra
minnhom. Hemm ħtieġa urġenti għal akkomodazzjoni affordabbli għar-refuġjati, li għandhom
jiġu appoġġjati sabiex isibu akkomodazzjoni.
4
http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32013L0033&from=MT.
8/14
2.3 L-għoti ta’ informazzjoni adegwata u affidabbli lil dawk li jfittxu l-asil u lir-refuġjati
Fi triqithom lejn u madwar l-Ewropa, ir-refuġjati jistrieħu fuq informazzjoni - li ta’ spiss tkun falza -
miksuba b’mezzi informali u mingħand il-kuntrabandisti. L-istejjer fuq il-mezzi tax-xandir jistgħu
jkunu ppreġudikati u ċċensurati. Barra minn hekk, ir-refuġjati rari jkunu jitkellmu l-lingwa tas-soċjetà
ospitanti jew xi lingwa Ewropea oħra. Madankollu, f’ħafna Stati Membri tal-UE, hemm nuqqas ta’
interpreti b’għarfien tajjeb ta’ lingwi bħall-Għarbi, il-Farsi jew il-Pashto. Bħalissa, l-OSĊ għandhom
rwol importanti fit-tfittxija u fl-għoti tat-taħriġ lill-interpreti.
Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda:
li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw mal-Artikolu 5 tad-Direttiva
dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza rigward l-għoti ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-
obbligi ta' dawk li qed ifittxu l-asil u dwar il-gruppi ta’ organizzazzjonijiet jew persuni li
jipprovdu assistenza u informazzjoni.
li l-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet kollha
relatati mal-lingwa fid-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil.
li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni legali u prattika ċara lir-refuġjati kemm bil-fomm kif
ukoll bil-kitba b’lingwa li huma jifhmu; huwa vitali li jkun hemm għadd suffiċjenti ta’ interpreti u
tradutturi mħejjija sewwa sabiex jgħinu fir-reġistrazzjoni u jeqirdu l-beżgħat u d-
diżinformazzjoni, filwaqt li l-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riżorsi meħtieġa disponibbli
għar-reklutaġġ tagħhom. L-interpreti mhux professjonali (eż. refuġjati/immigranti minn mewġiet
ta’ immigrazzjoni fl-imgħoddi) jistgħu jkunu utli għal konverżazzjonijiet bażiċi, iżda jeħtieġ li
jinstab il-bilanċ xieraq bejn ir-riskji u l-benefiċċji.
L-UE għandha tagħmel informazzjoni ċentralizzata għar-refuġjati disponibbli mal-wasla
tagħhom. Il-fuljetti u sit elettroniku uffiċjali tal-UE (simili għall-Portal tal-Immigrazzjoni tal-
UE) joffru informazzjoni aġġornata dwar id-drittijiet tagħhom, il-proċeduri fis-seħħ u l-
possibbiltajiet ta’ asil disponibbli għalihom madwar l-UE u mhux biss fi ftit pajjiżi bħall-
Ġermanja, l-Awstrija jew l-Iżvezja.
L-UE għandha tikkoordina l-produzzjoni tal-fuljetti informattivi għar-refuġjati li jridu jiġu
rilokati, b’informazzjoni bażika fil-lingwa materna tagħhom dwar il-pajjiż tad-destinazzjoni, li
għandhom jitqassmu qabel il-vjaġġ. Għandha tingħata wkoll informazzjoni adattata lit-tfal.
2.4 Il-protezzjoni ta' dawk l-iżjed vulnerabbli
Ħafna refuġjati jaslu wara vjaġġi twal u trawmatiċi, fejn ta’ spiss ikunu esperjenzaw serq, stupru jew
xi tip ta' vjolenza oħra. Huma jkunu ħarbu mill-gwerra, ħallew lill-membri tal-familja tagħhom
warajhom jew tilfuhom fi triqithom lejn l-Ewropa. Din it-trawma partikolari mhux dejjem tiġi
kkunsidrata biżżejjed fil-fażi tal-proċedura tal-asil u tal-akkoljenza. L-għadd ta’ minorenni mhux
akkumpanjati li qegħdin jaslu fl-UE qed jiżdied. Il-minorenni mhux akkumpanjati bdew jiġu
rrapportati neqsin f’numri għoljin b’mod allarmanti. Għalkemm sikwit ma jkunx ċar x’seta’ ġara,
9/14
jidher li ħafna minnhom ikunu waqgħu f’idejn gruppi kriminali, traffikanti u persuni oħrajn ta’
intenzjoni ħażina.
Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li:
l-Istati Membri jagħmlu r-riżorsi meħtieġa disponibbli sabiex ir-refuġjati, iżda wkoll il-
voluntiera li jaħdmu magħhom, ikunu jistgħu jiġu pprovduti b’assistenza psikoloġika
adegwata.
il-minorenni mhux akkumpanjati għandhom jingħataw akkomodazzjoni f’ċentri żgħar jew
f’familji ospitanti. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-Istati Membri ma jżommux lill-
minorenni (mhux akkumpanjati) f’detenzjoni u l-UE għandha ssaħħaħ il-mekkaniżmi għall-
monitoraġġ tar-rispett tad-drittijiet tat-tfal, b’koordinazzjoni mal-UNICEF.
il-ġeneru għandu jittieħed inkunsiderazzjoni: kull meta huma jitolbu dan, l-applikanti nisa
għandhom jiġu intervistati minn uffiċjal mara bl-assistenza ta’ interpretu mara.
3. Appoġġ aħjar lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
L-OSĊ iwettqu ħidma imprezzabbli meta jassistu jew saħansitra jissostitwixxu lill-gvernijiet fid-
doveri tagħhom li jipprovdu għajnuna umanitarja u protezzjoni tar-refuġjati. L-OSĊ, l-inizjattivi
lokali impenjati ħafna u l-voluntiera jwettqu firxa wiesgħa ta’ attivitajiet fil-fażijiet kollha tal-proċess
ta’ akkoljenza, inkluż billi jilħqu l-ħtiġijiet primarji tar-refuġjati, jipprovdu akkomodazzjoni,
assistenza soċjali u psikoloġika, kif ukoll informazzjoni, jerġgħu jgħaqqdu membri familjari separati,
isibu soluzzjonijiet għat-tfal mhux akkumpanjati u jikru l-interpreti. Huma jimmonitorjaw ir-rispett
għad-drittijiet tal-bniedem u jwettqu attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ difiża tad-drittijiet.
3.1 Ir-rikonoxximent u l-koordinazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
Xi OSĊ huma mogħtija mandat uffiċjali mill-gvern sabiex jittrattaw is-sitwazzjoni u jiżguraw il-
koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ assistenza, iżda xi Stati ma jikkoordinawx l-isforzi tal-għajnuna
umanitarja, jew inkella jħallu din ir-responsabbiltà għall-UNHCR u l-IOM. F’xi pajjiżi, il-gvernijiet
ma jidhirx li għandhom biżżejjed fiduċja fl-OSĊ, li huma meqjusa bħala li huma ‘ġenerużi’ wisq jew
li jagħmlu parti mill-‘industrija tal-qlub tajba’. Dan ma joħloqx l-atmosfera xierqa għal kooperazzjoni
effettiva. F’pajjiżi oħrajn, il-kooperazzjoni mal-gvern hija tajba u s-suġġerimenti tal-
organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi. Jiġu
organizzati laqgħat ta’ koordinazzjoni regolari fost il-partijiet interessati kollha rilevanti u l-
involviment personali tal-politikanti (il-ministri) juri l-impenn tal-gvern u jrendi riżultati tajbin.
Ġeneralment, il-kooperazzjoni fost l-OSĊ tidher li hija effikaċi, tevita d-duplikazzjoni tal-isforzi u l-
konfużjoni u xi drabi saħansitra tkun ta’ natura transkonfinali. Madankollu, l-OSĊ xi drabi jispiċċaw
jikkompetu ma’ xulxin fuq ir-riżorsi u l-attenzjoni tal-mezzi tax-xandir. Dan jenfasizza l-ħtieġa ta’
strateġija sostenibbli fit-tul, li tieħu inkunsiderazzjoni l-benesseri u s-sodisfazzjon fl-impjieg tal-
persunal u l-voluntiera tal-OSĊ, li sikwit ikunu limitati ħafna.
10/14
Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li:
Billi l-kollaborazzjoni b’suċċess, minflok il-kompetizzjoni, hija essenzjali sabiex tiġi indirizzata l-
kriżi tar-refuġjati, l-organizzazzjonijiet għandhom jibnu viżjoni komuni tal-protezzjoni tar-
refuġjati u għarfien komuni tal-mandati, tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet ta’ xulxin. L-Istati
Membri għandhom jappoġġjaw lill-OSĊ sabiex jaħdmu flimkien, iwettqu riċerka,
jikkoordinaw l-attivitajiet u jaqsmu l-esperjenzi, l-għarfien u r-riżorsi tagħhom. L-
internalizzazzjoni tagħhom, il-kooperazzjoni transkonfinali u l-iskambju tal-informazzjoni jistgħu
jiġu appoġġjati b’fondi speċifiċi jew permezz ta’ netwerk formali.
L-UE tista’ tagħmel arranġamenti sabiex il-prattiki tajbin tal-OSĊ ikunu promossi, kondiviżi u,
fejn possibbli, irreplikati. L-esperjenza prattika tal-OSĊ għandha tintuża fil-proċess tat-tfassil tal-
politika.
Għandhom jittejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-OSĊ, inkluż billi
jinħatru persuni ta’ kuntatt fil-ministeri rilevanti sabiex jipprovdu tagħrif lill-organizzazzjonijiet.
Għandu jkun hemm ukoll diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet għall-akkoljenza tal-immigranti bil-
koordinazzjoni neċessarja bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet differenti.
Id-diversi organizzazzjonijiet involuti fin-netwerks ta’ appoġġ għandhom jorganizzaw laqgħat ta’
koordinazzjoni regolari u jingħataw pariri xierqa sabiex jiddokumentaw l-inizjattivi konġunti
tagħhom għal referenza futura, kif ukoll joħolqu listi ta’ kontroll, proċeduri, eċċ.
Għandhom jiġu stabbiliti fora ta’ kooperazzjoni fl-Istati Membri fejn dawn ma jeżistux, li
jlaqqgħu flimkien lill-awtoritajiet pubbliċi (fil-livell lokali u tal-Istat) u lill-organizzazzjonijiet
tas-soċjetà ċivili. Fil-livell tal-UE, il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea jista’ jkollhom rwol li
jiżguraw li dawn il-fora ta’ kooperazzjoni jkunu operattivi u inklużivi biżżejjed.
Il-kwistjoni tar-refuġjati m'għandhiex tibqa’ politiċizzata u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li
ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet abbażi tal-lealtà politika jew il-
preferenzi politiċi.
B’kunsiderazzjoni tal-mandati tad-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili
(ECHO) tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Frontex, l-UE għandha tagħmel aktar sabiex tikkoordina
l-isforzi umanitarji u tiggarantixxi preżenza akbar fil-prattika. Permezz tal-ECHO jew ta’ xi korp
ġdid, l-UE għandha tipprovdi esperti fil-koordinazzjoni, fl-akkoljenza u fil-protezzjoni tar-
refuġjati u timplimenta pjani strateġiċi fil-livell lokali, maqbula mal-partijiet interessati kollha
rilevanti, bil-għan li tiżgura li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tar-refuġjati, bħall-ikel, il-kura
medika, l-akkomodazzjoni u l-għajnuna legali.
L-UE għandha tiżgura li l-inizjattiva ġdida tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, ikkoordinata mill-
ECHO, tkun tista’ tintuża wkoll fl-UE, sabiex b’hekk ikun żgurat li l-voluntiera jitpoġġew fil-
postijiet fejn huma l-aktar meħtieġa u li l-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom ma jkunux superfluwi
jew ma jintilfux.
11/14
3.2 Finanzjament u appoġġ għall-organizazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
L-OSĊ jiffaċċjaw għadd ta' diffikultajiet sabiex jiksbu aċċess għall-finanzjament u t-taħriġ tal-
persunal tagħhom. Ġeneralment, huma jkunu mistennija li jikkoffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom bir-
riżorsi tagħhom stess anke meta jwettqu kompitu f’isem l-awtoritajiet pubbliċi. Barra minn hekk, l-
OSĊ ta’ spiss jiddependu fuq l-għotjiet tal-UE għal perjodu ta’ żmien qasir, li ma jagħtuhomx iċ-ċans
li jippjanaw attivitajiet b’perspettiva fit-tul u sostenibbli. Teżisti wkoll kompetizzjoni bejn l-OSĊ
minħabba l-ħtieġa li juru għadd suffiċjenti ta’ klijenti, li tista’ tkun detrimentali għall-effikaċja tas-
servizzi li jipprovdu. Il-proġetti qosra għandhom ukoll impatt fuq is-sigurtà fl-impjiegi tal-persunal,
billi jagħmluha aktar diffiċli sabiex jiġi attirat u miżmum persunal imħarreġ. F’xi żoni tfaċċat xorta ta’
‘turiżmu ta’ karità’.
Meta l-OSĊ ikunu qegħdin iwettqu kompiti f’isem l-awtoritajiet pubbliċi, hija r-
responsabbiltà tal-Istati Membri li jikkumpensawhom b’mod adegwat. Barra minn hekk, l-
Istati Membri għandhom jagħmlu r-riżorsi neċessarji disponibbli sabiex jipprofessjonalizzaw l-
għajnuna mogħtija lir-refuġjati fit-tul, billi l-għadd ta’ voluntiera qiegħed jonqos, kif ukoll
jagħmlu l-impjiegi f’dan is-settur attraenti biżżejjed sabiex jindirizzaw in-nuqqas ta’ persunal
imħarreġ.
Jeħtieġ li ssir xi ħaġa sabiex il-fondi tal-UE jkunu jistgħu jinkisbu b’mod aktar faċli u
malajr, inkluż għall-inizjattivi fuq skala żgħira, mingħajr ma jiġu pperikolati l-imparzjalità u t-
trasparenza tal-proċess. Ir-rekwiżit tal-kofinanzjament għandu jiġi ffaċilitat jew kopert mill-Istati
Membri.
Teżisti ħtieġa qawwija għal programmazzjoni fit-tul tal-allokazzjoni tal-għotjiet mill-AMIF (il-
Fond Ewropew tal-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni), abbażi ta’ regoli ċari. Il-Kummissjoni
għandha tevita d-dewmien fl-allokazzjoni tal-għotjiet mill-AMIF.
Il-Kummissjoni għandha tadatta r-regoli tal-finanzjament sabiex tagħmilha possibbli li jintalbu
ċerti spejjeż indiretti (lil hinn mill-ispejjeż tal-koordinazzjoni), kif kien il-każ fil-FER u fil-FEI.
Il-Kummissjoni għandha tadotta leġislazzjoni li tagħmilha possibbli li jiġi ffinanzjat il-bini tal-
kapaċità istituzzjonali tal-OSĊ, jiġifieri sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet tax-xogħol stabbli, kif
ukoll għat-taħriġ (bħal fil-ġestjoni tal-kampijiet).
4. It-tibdil tan-narrattiva
L-appoġġ pubbliku għall-ilqugħ tar-refuġjati huwa prerekwiżit għal approċċ tal-UE komuni u effettiv
għall-wasla tar-refuġjati. Madankollu, is-sentimenti negattivi lejn ir-refuġjati qegħdin jikbru fl-UE.
Jeħtieġ li l-pubbliku jirċievi informazzjoni bbażata fuq il-fatti dwar ir-refuġjati u, f’dan ir-rigward, il-
mezzi tax-xandir u l-OSĊ għandhom rwol importanti. Il-biża’ minn dak li mhuwiex magħruf tiġi
rrinforzata minn xi mezzi tax-xandir, li jxerrdu informazzjoni mhux preċiża u jtennu l-isterjotipi.
Madankollu, instab li xi mezzi tax-xandir jużaw il-kontribut tas-soċjetà ċivili sabiex joħolqu
perċezzjoni bilanċjata tar-refuġjati.
12/14
4.1 L-enfasi fuq il-benefiċċji tal-immigrazzjoni
L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jirreklamaw eżempji pożittivi tal-kisbiet u l-
kontribut tal-migranti għall-ħajja ekonomika, soċjali u kulturali tal-Ewropa sabiex itejbu l-
perċezzjoni tagħhom fid-dibattitu pubbliku (pereżempju, jenfasizzaw in-numri ta’ għalliema jew
uffiċjali tal-armata/pulizija ta’ oriġini barranija fil-Ġermanja jew fi Franza, minflok jiffokaw fuq
iż-żgħażagħ li jaqilgħu l-problemi). Ir-refuġjati li jirnexxu għandhom ikunu viżibbli bħala
mudelli għas-soċjetà u l-UE għandha tappoġġja l-iskambju ta’ prattika tajba f’dan il-qasam.
L-appoġġ pubbliku għall-immigrazzjoni jista’ jiżdied jekk is-soċjetajiet jifhmu l-benefiċċji tal-
immigrazzjoni. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jenfasizzaw l-aspetti pożittivi tal-
migrazzjoni, bħall-fatt li ħafna rħula f’żoni remoti fl-Ewropa li jbatu minn tnaqqis demografiku
issa qegħdin jibbenefikaw miż-żieda fil-ħaddiema, fil-konsum, fl-istudenti fl-iskejjel u l-bqija
pprovduti bil-wasla tar-refuġjati.
4.2 Il-migrazzjoni fuq il-mezzi tax-xandir
L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jipprovdu informazzjoni u fatti
ewlenin lill-ġurnalisti, kif ukoll l-opportunità għal żjarat ta’ studju, pereżempju, fiċ-ċentri tar-
refuġjati jew fil-punti ta’ kontroll tal-fruntiera, sabiex jiġġieldu l-isterjotipi negattivi.
L-Istati Membri għandhom isaħħu l-edukazzjoni multikulturali u kontra d-diskriminazzjoni fil-
kurrikuli tal-iskejjel tagħhom, kif ukoll barra mis-sistema skolastika, minħabba li d-diversità se
tkompli tiżdied b’mod inevitabbli. Tali edukazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-esperjenzi tal-
gvernijiet lokali, tal-OSĊ rilevanti u tal-organizzazzjonijiet immexxija mill-immigranti. Huma
għandhom jgħinu liċ-ċittadini tagħhom isiru konxji tax-xejriet globali.
L-Istati Membri ma għandhomx jittolleraw l-użu ta’ lingwaġġ offensiv u ksenofobiku u diskors
ta’ mibegħda fuq il-mezzi tax-xandir u għandhom jissanzjonawhom skont il-liġi.
4.3 L-isforzi fil-komunità
L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jipprovdu lill-komunitajiet lokali (pereżempju, il-
ġenituri fl-iskejjel lokali) b’informazzjoni xierqa bbażata fuq il-fatti u jinkoraġġixxu l-ħolqien ta’
opportunitajiet għal kuntatti mal-persuni barranin – pereżempju permezz ta’ attivitajiet għat-tfal u
għall-adulti organizzati miċ-ċentri lokali tal-kultura jew mill-OSĊ.
L-Istati Membri għandhom jiffinanzjaw it-tħejjija u t-taħriġ għall-uffiċjali tas-servizz pubbliku li
huma f’kuntatt mar-refuġjati - inklużi l-gvern lokali u nazzjonali, l-uffiċċji tal-impjiegi, il-
pulizija, l-iskejjel, eċċ. - sabiex jipprovdulhom għodod bil-għan li jgħinuhom jakkomodaw id-
diversità kulturali, kif ukoll informazzjoni u kuntatti utli (OSĊ li joffru l-għajnuna).
13/14
5. L-iżgurar tal-integrazzjoni tar-refuġjati
5.1 It-tfassil ta’ politiki dwar l-integrazzjoni
L-esperjenza tal-Istati Membri tal-UE bil-politiki dwar l-integrazzjoni tvarja, kif ukoll l-approċċ
tagħhom għalihom. L-integrazzjoni hija proċess bidirezzjonali u tinvolvi kemm drittijiet kif ukoll
obbligi. L-OSĊ madwar l-Ewropa kollha jimlew il-lakuni u joffru ħafna servizzi li jikkontribwixxu
għall-integrazzjoni, bħal korsijiet tal-lingwi, assistenza legali, servizzi ta’ informazzjoni u attivitajiet
kulturali.
Madwar l-Ewropa kollha, teżisti ħtieġa għal politiki sostenibbli dwar l-integrazzjoni fit-tul. L-
UE għandha tkompli tappoġġja l-involviment tal-partijiet interessati u l-iskambju ta’ prattiki
tajbin fost l-Istati Membri.
L-Istati Membri għandhom japplikaw approċċ konsistenti u komprensiv, li jinkorpora oqsma ta’
politika differenti, filwaqt li għandhom jirrikonoxxu l-proċedura tal-asil bħala parti essenzjali
mill-proċess ta’ integrazzjoni.
Jeħtieġ li l-esperti u l-prattikanti jiġu involuti fit-tfassil ta’ politiki dwar l-integrazzjoni fil-livell
tal-Istati Membri, bil-għan li jiġi evitat approċċ populista. L-involviment tal-partijiet interessati
lokali huwa importanti ħafna, minħabba li huwa hawn fejn tabilħaqq isseħħ l-integrazzjoni.
L-Istati Membri għandhom jinvolvu lill-OSĊ u, b’mod partikolari, lil min iħaddem u lit-
trejdunjins, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali, fit-tfassil ta’ politiki dwar l-integrazzjoni, mhux l-
inqas sabiex jiżguraw li r-refuġjati jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex jissodisfaw il-lakuni
speċifiċi fis-suq tax-xogħol.
L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li huwa meħtieġ approċċ individwalizzat fil-politika
dwar l-integrazzjoni. Tabilħaqq, ir-refuġjati jinsabu f’pożizzjoni agħar minn immigranti oħrajn.
Id-dokumentazzjoni tagħhom tista’ tkun intilfet, in-netwerks tagħhom huma aktar limitati u jista’
jkun li saħħithom tkun marret lura minħabba vjolenza u trawma.
L-Istati Membri għandhom jinvolvu nies integrati sewwa bi sfond ta’ migranti/refuġjati bħala
konsulenti sabiex jipprovdu appoġġ lil dawk li qegħdin ifittxu l-asil. Huma jaġixxu bħala mudelli
u jgħinu jiksbu għarfien aħjar tas-soċjetà ospitanti.
Ir-refuġjati għandhom jirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż li jkun qed jospitahom, kif ukoll jaċċettaw
il-kultura tiegħu. Dan jinkludi r-rispett għall-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nisa impjegati
f’pożizzjonijiet ta’ awtorità, bħal għalliema, tobba, ħaddiema soċjali, eċċ. Għal dak il-għan, l-
Istati Membri għandhom jipprovdu finanzjament għal gwida u konsulenza.
L-Istati Membri għandhom iżommu f’moħħhom li l-appoġġ ferm intensiv mogħti lill-minorenni
mhux akkumpanjati f’xi pajjiżi jitqies bħala prattika tajba u mudell, għalkemm wieħed għali,
għall-integrazzjoni tal-immigranti kollha.
5.2 Ir-rwol ewlieni tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-lingwi
L-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riżorsi meħtieġa disponibbli sabiex jipprovdu taħriġ fil-
lingwi għal dawk li l-istatus protett tagħhom x'aktar jingħatalhom mill-aktar fis possibbli
14/14
wara l-wasla tagħahom, u hija prattika tajba li dan jiġi kkombinat max-xogħol billi jgħin fit-
tagħlim tal-lingwi.
L-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess malajr għall-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal u għall-
iskejjel, li huwa ferm importanti għall-integrazzjoni tal-familji fis-soċjetà u għall-integrazzjoni
tan-nisa fis-suq tax-xogħol.
5.3 L-importanza tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol
L-imsieħba soċjali jirrikonoxxu l-kontribut pożittiv li jistgħu joffru r-refuġjati fil-kuntest tat-tixjiħ
demografiku u l-ħtiġijiet ta’ ħiliet speċifiċi f’xi setturi. Hija sfida kbira għall-biċċa l-kbira tar-refuġjati
adulti sabiex isibu impjieg xieraq. Huma jiffaċċjaw ħafna ostakoli, bħal ħiliet lingwistiċi insuffiċjenti,
it-telf ta’ dokumenti u ċertifikati personali, in-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-diplomi u l-kwalifiki u
nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol, speċjalment f’pajjiżi b’rati għolja ta’ qgħad. Ħafna refuġjati
b’ħiliet għolja jispiċċaw jaħdmu f’settur ta’ xogħol mingħajr ħiliet, jekk wara kollox jirnexxielhom
isibu xogħol.
Minkejja l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza, li jirrikjedi li l-“Istati
Membri [sabiex] jiżguraw li l-applikanti [għall-protezzjoni internazzjonali] jkollhom aċċess għas-
suq tax-xogħol sa mhux aktar tard minn 9 xhur mid-data meta tressqet l-applikazzjoni […]", l-
Istati Membri għandhom jagħmlu sforz sabiex idaħħlu lil dawk li qegħdin ifittxu l-asil fis-suq tax-
xogħol mill-aktar fis possibbli, sabiex b’hekk jevitaw l-obsolexxenza tal-ħiliet u jagħtuhom iċ-
ċans li jsiru ekonomikament produttivi. Billi dan iwassal għall-awto-dipendenza, id-dinjità u l-
interazzjoni soċjali, huwa ta’ benefiċċju kemm għall-individwi kif ukoll għas-soċjetà riċeventi.
Huma għandhom jiggarantixxu kundizzjonijiet ugwali għal dawk taċ-ċittadini nazzjonali.
Fil-politika legali tagħha dwar il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, l-UE għandha tiddedika biżżejjed
attenzjoni lill-valutazzjonijiet tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet, u tipprevedi identifikazzjoni u
żvilupp aħjar tal-ħiliet tar-refuġjati. Jeħtieġ li jiġi żviluppat rikonoxximent effettiv tad-diplomi u
tal-kwalifiki, possibbilment abbażi tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki.
Ir-refuġjati, l-istituzzjonijiet edukattivi u dawk li jħaddmu jeħtieġu ċertezza legali. L-Istati
Membri għandhom jagħtu lill-migranti fl-edukazzjoni u t-taħriġ żmien raġonevoli sabiex ilestu l-
edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, anki jekk it-talba tagħhom għall-asil tiġi rrifjutata. Fir-rigward
tal-appredistati tar-refuġjati, prattika tajba adottata f’xi Stati Membri hi li jħeġġu lil min iħaddem
sabiex jinvesti fl-apprendisti tat-taħriġ u għaldaqstant jiżguraw is-sigurtà kemm għar-refuġjat kif
ukoll għal min iħaddmu, billi jippermettu lill-applikant għall-asil jibqa’ fis-suq tax-xogħol għal xi
ftit snin, anki jekk il-proċedura tal-asil ma tkunx irnexxiet.
L-UE u l-Istati Membri għandhom jimmiraw speċifikament lil min iħaddem u lit-trejdunjins
b’kampanja ta’ edukazzjoni u informazzjoni li tikkonċerna d-drittijiet, l-obbligi u l-proċeduri
relatati mal-impjieg tal-immigranti.
_____________
© R
oute
55 /
Shut
ters
tock
.com
Missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjatimill-perspettiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili
RAPPORT TA’ SINTEŻI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
MTREG.NO. BE - BXL - 27
Rue Belliard/Belliardstraat 991040 Bruxelles/Brussel
BELGIQUE/BELGIË
Persuna inkarigata mill-pubblikazzjoni: Unità taż-Żjarat u l-PubblikazzjonijietEESC-2016-14-MT
www.eesc.europa.eu
© L-Unjoni Ewropea, 2016Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali.
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew