Upload
patrick-j-sammut
View
260
Download
7
Embed Size (px)
DESCRIPTION
Il-Pont (The Bridge) is an online literary magazine published monthly since October 2012. It's main language is Maltese, but poems in other languages - mainly English and Italian - are regularly included too. Il-Pont is intended to bring together writers and readers from all over the world.
Citation preview
H ija ħaġa sabiħa li l-Università ta’ Malta
tqassam id-Dottorati Onoris Causa kull
tant żmien. Ftit snin ilu kellna l-okkażjoni
ta’ meta stiednet lill-attur u reġista
Roberto Benigni proprju biex tgħaddilu dan l-unur.
Bosta jiftakru li f’dik l-okkażjoni l-Università ta’ Malta
stiednet ukoll Professur barrani biex iniedi l-ktieb
tiegħu f’rabta ma’ Dante u d-Divina Commedia, filwaqt
li nsiet Malti li għal għoxrin sena sħaħ u spejjeż tiegħu
ħadem biex l-ilsien Malti jkollu t-traduzzjoni ta’ din
l-opra letterarja universali. Dan it-traduttur kien Alfred
Palma, li hu wkoll kittieb u poeta. Ironikament, xi xhur
wara Alfred Palma kien ġie mistieden mill-Comune ta’
Ravenna biex jipparteċipa fl-avveniment annwali
“Dante nel mondo” (2008). F’dik l-okkażjoni jiena kont
akkompanjajtu u hemm konna ngħatajna merħba ta’
rejiet. Alfred Palma kien qara partijiet mid-Divina
Commedia - li hu qaleb għall-Malti u li ppubblika fl-
1986 - fil-Basilika ta’ San Franġisk f’Ravenna, quddiem
folla nies li verament apprezzaw dan il-ġest li sar
b’sagrifiċċji kbar u li żgur ma rrendiex fuq livell
finanzjarju. Għal Palma dik kienet okkażjoni li
ppremjatu tassew; tant hu hekk li huwa kien ġie onorat
bil-Lauro Dantesco. Ftit ilu l-Unversità ta’ Malta
reġgħet tat l-unur tad-Dottorat Onoris Causa lill-
kantant u tenur kbir Joseph Calleja, anki jekk mal-
letteratura ftit għandu x’jaqsam. Nixtieq li jasal ukoll
dak il-jum meta l-istess istituzzjoni tibda tagħti l-istess
unur lil aktar persuni li ħadmu b’sagrifiċċji kbar u
b’imħabba lejn Art Twelidhom biex komplew jagħnu
oqsma differenti ta’ dan il-wirt universali.
Fuq nota differenti, IL-PONT huwa okkażjoni oħra li turi
kemm hawn Malta ma jonqsux l-attivitajiet marbutin
mal-letteratura u l-ilsien Malti. Prosit kbira lil dawk
kollha li b’sagrifiċċju jiddedikaw daqstant ħin biex
itellgħu inizzjattivi bħal dawn. Minn hawn nistaqsi:
“Meta se jasal dak iż-żmien meta l-awtoritajiet
ikkonċernati jiftħu ċentru apposta li jospita dawn
l-Għaqdiet tal-Malti u simili; ċentru permanenti fejn
ikunu jistgħu jtellgħu l-attivitajiet tagħhom u jsibu post
deċenti u xieraq għall-arkivji tagħhom ukoll?” Xi ħaġa
simili saret diġà fil-każ tal-Akkademja tal-Malti u dan
żgur li kien pass għaqli fid-direzzjoni t-tajba.
Nawgura l-Milied it-Tajjeb lil kull min se jaqra IL-PONT
u lil ta’ madwaru ☺
Kull min jixtieq jikteb lill-Editur jew jibgħat materjal
relevanti - li m’għandux ikun twil ħafna—jista’ juża dan
il-kuntatt: [email protected]
Ħarġa numru 3: Diċembru, 2012
Editorjal
L-AĦBARIJIET JITFAKKAR IL-POETA NAZZJONALI
Bħal kull sena l-Kumitat Festi Nazzjonali fakkar lill-
Poeta Nazzjonali, Dun Karm Psaila, b’attivitajiet
apposta. Din is-sena l-għodwa ta’ tifkira seħħet fit-
18 ta’ Ottubru, jum it-twelid ta’ Dun Karm. Ħadu
sehem għadd ta’ studenti, għalliema, uffiċjali
edukattivi u persuni distinti oħra. L-okkażjoni
bdiet b’korteo li telaq mill-iskola Primarja tal-
Furjana fid-9.30 a.m., u mexa sa quddiem il-
monument tal-Poeta Nazzjonali fit-tarf ta’ Triq
Sant’Anna, xogħol tal-iskultur Toni Ellul. Hemm
saret ċerimonja li nkludiet qari ta’ poeżiji, diskorsi
uffiċjali u tqegħid ta’ fjuri mal-istess mafkar.
Doreen Galea kantat poeżiji ta’ Dun Karm
b’arranġamenti mużikali tal-Mro Domenic Galea.
Il-mafkar iddedikat lill-Poeta Nazzjonali fil-Furjana
VERSI TINGĦATA LIBSA ĠDIDA
L-organu uffiċjali tal-Għaqda Poeti Maltin,
ir-rivista VERSI, li ilha toħroġ sa mill-1986, ingħatat
libsa ġdida. L-idea hija li din ir-rivista ddedikata
kompletament lill-qasam tal-poeżija tkompli ssib
dejjem iktar qarrejja u twassal il-poeżija għand
numru akbar ta’ persuni. Fil-ħarġa 2012.3 Alfred
Massa jsellem lill-poeta Anton Buttigieg f’għeluq
il-mitt sena minn twelidu. Hemm ukoll rapport
dwar il-Premjazzjoni tal-Konkors ta’ Poeżija għat-
Tfal li sar aktar kmieni din is-sena. Hemm inklużi
għadd ta’ poeżiji b’ilsna differenti, esejs letterarji
miktubin apposta għall-istudenti li se jersqu għall-
eżamijiet tal-Malti SEC u MATSEC, u reċensjonijiet
dwar żewġ ġabriet tal-poeżija ta’ Charles Mifsud u
Therese Pace. Massa jsellem ukoll lil Peter A.
Caruana, Membru Onorarju tal-Għ.P.M., li miet
aktar kmieni din is-sena, filwaqt li l-paġna Poeti
Kontemporanji hija ddedikata lil Joseph Sciberras
minn Ħ’Attard. Hemm ukoll paġna ddedikata lill-
aħbarijiet mid-dinja tal-poeżija u oħra li tinkludi
l-messaġġ tal-President tal-Għ.P.M. għal Jum il-
Poeżija 2012. Min hu interessat jakkwista kopja
jista’ juża l-e-mail: [email protected]
JITĦABBRU R-REBBIEĦA TAL-PREMJU DINJI TAL-
POEŻIJA NOSSIDE 2012
It-Taljana Emilia Fragomeni li toqgħod f’Ġenova u
hija għalliema tal-letteratura, rebħet it-XXVIII
edizzjoni tal-Premju Dinji tal-Poeżija Nosside 2012
bil-poeżija Orme (Traċċi). Dan huwa l-uniku
konkors dinji miftuħ għall-ilsna kollha u anki għal
kull forma ta’ komunikazzjoni (kitba, mużika u
vidjow). Din is-sena pparteċipaw 374 konkorrent
minn 70 pajjiż differenti f’51 lingwa differenti,
inkluż il-Malti. Fost dawk li se jkollhom il-poeżija
tagħhom ippubblikata fl-antoloġija NOSSIDE 2012
se jkun hemm ukoll waħda minn Malta, dik ta’
Giancarlo Callari bl-isem ta’ Il viaggio della
speranza. Iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni saret
f’Reggio Calabria nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Novembu,
fejn iltaqgħu poeti mill-ħames kontinenti.
RIŻORSA PERFETTA GĦALL-GĦALLIEMA U L-ISTUDENTI TAL-MALTI Għal kull min jinteressa ruħu fit-tagħlim tal-
lingwa u l-letteratura Maltija żgur li jsib utli
ħ a f n a d a n i s - s i t e l e t t r o n i k u :
http://malti.skola.edu.mt/
L-AĦBARIJIET L-GĦAQDA POETI MALTIN TIPPARTEĊIPA FIL-FIERA TAL-KTIEB
Wara kuntatti li saru mas-Sinjorina Joyce Grech,
l-Għaqda Poeti Maltin ingħatat l-opportunità
għall-ewwel darba illi l-membri tagħha jaqraw
poeżiji magħżula minnhom stess matul il-Fiera
tal-Ktieb. Il-membri li kienu preżenti biex jaqraw
huma Salv Sammut, Emmanuel Attard Cassar,
Joseph C. Sciberras, Godwin Cini, Omar Seguna,
Leanne Ellul u Miriam Ellul. Fost il-poeżiji li
nqraw kien hemm dawk ta' Charles Magro,
Therese Pace u Edmund Calleja. Il-qarrejja kienu
mqassmin fuq tlett ijiem biex dejjem ikun hemm
membru tagħna preżenti.
Godwin Cini, membru tal-Kumitat tal-Għ.P.M., waqt il-parteċipazjoni tiegħu fil-Fiera tal-Ktieb 2012.
PREMJAZZJONI TAL-KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA 2012 Il-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2012, li
l-Għaqda Poeti Maltin nediet fl-1 ta’ Lulju 2012,
ġie fi tmiemu b’Serata ta’ Premjazzjoni li saret
il-Ġimgħa, 16 ta’ Novembru, fis-sala tas-Soċjetà
tal-Arti, Manifattura u Kummerċ, il-belt Valletta.
Din is-sena wkoll kien hemm għadd sabiħ ta’
konkorrenti, membri tal-Għaqda Poeti Maltin u
mhumiex. Il-Ġurija li eżaminat il-poeżiji kienet
magħmula mis-Sinjuri George Falzon, Louis
Briffa u l-Inġ. Maurice Mifsud Bonnici. Il-Konkors
kellu tliet taqsimiet: tal-Malti, tal-Ingliż u tat-
Taljan. Ir-rebbieħa f’kull kategorija kienu dawn
li ġejjin: Bit-Taljan ġiet fl-Ewwel Post il-poeżija
Intimità ta’ Christine Borg Farrugia. Fit-Tieni
Post ġiet Patéma ta’ Mario Attard. Fit-taqsima
tal-Ingliż l-Ewwel ġiet il-poeżija Blue Tongued
Lizard ta’ Donovan Gatt. It-Tieni ġiet Vaudeville
ta’ Kristina Miggiani. L-Ewwel fit-Taqsima tal-
Malti ġiet il-poeżija Bersall, ta’ Therese Pace.
Fit-Tieni Post ġiet il-poeżija Nawfraġju Ieħor ta’
Stefano Farrugia. Fit-Tielet Post ġiet il-poeżija
Rabta, ta’ Mark Amaira. Therese Pace ngħatat
ukoll il-Premju ‘Mons. Amante Buontempo’,
bħala r-Rebbieħa assoluta tal-Konkors
Nazzjonali tal-Poeżija 2012.
Ir-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija 2012 flimkien
mal-President tal-Għ.P.M., Charles Magro
PROSIT LILL-ORGANIZZATURI TAL-FIERA TAL-KTIEB 2012 Għal darb’oħra prosit lill-organizzaturi tal-Fiera
tal-Ktieb li saret bejn is-7 u l-11 ta’ Novembru
2012 fid-Dar tal-Mediterran, il-Belt. Bħal dejjem,
din ma kinitx biss okkażjoni fejn dawk li jħobbu
l-ktieb setgħu jaraw x’hawn disponibbli f’rabta
ma’ oqsma differenti u jixtru l-kotba favoriti
tagħhom. Il-Fiera tal-Ktieb saret ukoll okkażjoni
fejn wieħed jista’ jikseb tagħrif siewi dwar
aspetti differenti f’rabta mal-letteratura lokali.
Qed nirreferi għad-diversi stands li ttellgħu u li
kienu ddedikati lill-illustraturi tal-kotba tat-tfal,
lill-gazzetti lokali tas-seklu 19, lill-kittieba
deputati, lil Giovanni Pietro Francesco Agius De
Soldanis, u anki lill-kittieba li għaddew għal ħajja
aħjar din is-sena.
M anwel Cassar
twieled fl-
1933 l-Imsida.
Fl-Awstralja, Melbourne,
ħadem bħala għalliem,
skrivan maċ-Ċivil, editur
letterarju ta’ ġurnali u
rivisti differenti, u
i n t e r v i s t a t u r -
korrispondent tar-Rediffusion. Fl-1959
waqqaf l-Għaqda tal-Letteratura tal-Maltin fl
-Awstralja. Huwa pittur ta’ esperjenza u ko-
awtur ta’ antoloġiji ta’ poeżiji bħal Driegħ
ma’ Driegħ (1971), Mal-Ħmura ta’ Filgħodu
(1982), Frott Ieħor (1992) u Riflessi Fiddiena
(2000).
1. Illum inti għandek ’il fuq minn 80 sena u
ilek li emigrajt lejn l-Awstralja sa mill-1955.
Kif tħares lejn Malta u x’hemm minnha li
baqa’ jinfluwenzak anki jekk imbiegħed
minnha fiżikament u temporalment?
Għandek żball ċkejken, mhux għax jimporta
ħafna. It-80 sena nagħlaqhom fit-3 ta’ Jannar
2013. Lil Malta għadni nħobbha, għad li ma
nagħlaqx għajnejja għal xi nuqqasijiet li huma
marbuta mal-insularità. Il-moralità hi
ġeneralment tajba, speċjalment dik li trabbejt
fiha li darrietni nirrispetta l-valuri sodi reliġjużi
u sekulari; nifraħ li għadha tinfluwenzani. L-
istess l-Ilsien Malti li spiss insemmi hawn fis-
sens li naqra ta’ art għandha Lsienha u
dammet bih letteratura ġmielha fil-kwalità, u
fil-kwantità proporzjonalment.
2. X’inhi r-relazzjoni tal-poeta u artist Malti-
Awstraljan mal-kontinent il-kbir? Kif toħroġ
din fil-poeżija/arti tiegħu?
Il-poeta Malti-Awstraljan ġenwin, u mhux
il-qabbiel newwieħi emozzjonalment għal
Malta, jidwi l-ġijografija mil-lat deskrittiv u
l-metafora fl-espressjoni tal-kontinent li
jinsab fih b’ħajja differenti. Meta jitħallat, kif
tajjeb li jagħmel, mal-letteratura lokali,
jintlaqat mill-oriġinalità, il-virilità u
attitudnijiet li jħarsu lejn suġġetti globali
kontemporanji b’moħħ wiesa’. Hemm fl-istess
ħin ċerta daqqa fix-xogħol Awstraljan li diffiċli
tfissirha, imma tagħrafha. L-istess il-Malti-
Awstraljan jevolvi mhux bilfors dejjem jew
bl-istess kejl f’leħħa differenti minn ta’ Malta.
Madankollu l-ħarsien tal-Malti korrett bl-
idjoma Maltija huma magħżużin.
Intervistajt għadd ta’ artisti Maltin-Awstraljani
ta’ Victoria u ta’ New South Wales. Huma jew
figurattivi jew ċerebrali. Hemm min għandu
rabta ta’ memorja Maltija, imma hekk jew
hekk hawn abbundanza ta’ materjal u ta’
opportunitajiet.
3. X’inhuma jagħmlu l-poeti u kittieba
Maltin-Awstraljani hemmhekk biex iżommu
kuntatt ma’ xulxin?
Sfortunatement, il-kittieba Maltin-Awstraljani
ma tantx iżommu kuntatt ma’ xulxin. Imma
f’Melbourne għandna ċ-ċans li niltaqgħu
darba fix-xahar f’laqgħat ta’ qari tal-Maltese
Literature Group-Grupp Letteratura Maltija, u
darba fis-sena f’kunċert mużiko-letterarju fil-
Festival tal-Maltin.
Personalment, jiena ġieli nżid billi naqra
xogħlijiet tiegħi f’laqgħat ta’ qari tal-
Awstraljani u multikulturali. Kemm
jogħġobhom jistaqsu fuq l-Ilsien Malti u Malta
u mhix l-ewwel darba li talbuni naqralhom
poeżiji tiegħi bil-Malti meta nkun
ippreżentajtilhom traduzzjoni bl-Ingliż!
L-INTERVISTA Manwel Cassar
IL-ĦOLMA TA’ TFAJJEL B’KEWKBA A Child’s dream of a Star
ta’ Charles Dickens maqluba għall-Malti
minn MARIO ATTARD
D arba kien hemm tfajjel li kien iħobb jimxi
ħafna kif ukoll jaħseb fuq bosta affarijiet.
Kellu oħtu li kienet għadha ċkejkna, li
għalih kienet il-ħabiba tiegħu l-ħin kollu.
Dawn iż-żewġt aħwa kienu jqattgħu l-ħin kollu
jiġġerrew. Kienu jistagħġbu bil-ġmiel tal-fjuri; kienu
jistagħġbu bl-għoli u bl-ikħal tas-sema; kienu
jistagħġbu bil-fond tal-ilma; kienu jistagħġbu bit-tjubija u bis-setgħa kbira ta’ Alla li għamel lid-dinja
hekk sabiħa.
Kultant kienu jgħidu lil xulxin: “Li kieku t-tfal kollha
tad-dinja kellhom imutu, il-fjuri, l-ilma u s-sema
jiddispjaċihom għalihom?” Huma kienu tal-fehma li
jiddispjaċihom. “Għaliex,” qalu, “ir-rimjiet huma t-
tfal tal-fjuri, u l-għadajjar żgħar tax-xita li donnhom
b‘logħob jinqalbu ’l isfel għan-niżla huma t-tfal tal-
ilma; it-tbajja’ jleqqu fis-sema jilagħbu noli bil-lejl,
żgur li huma t-tfal tal-kwiekeb; u żgur li jiddispjaċihom jekk lil ħbiebhom, it-tfal tal-bnedmin,
ma jarawhomx iżjed.”
Qabel jitfaċċaw il-kwiekeb kollha f’wiċċ is-sema,
dejjem kienet titfaċċa kewkba ċara u tleqq qrib
il-kampnar tal-knisja u fuq l-oqbra. Kienet kewkba
ikbar mill-oħrajn u iktar sabiħa minnhom ukoll, hekk
ħasbu ż-żewġt aħwa, u ta’ kull fil-għaxija, id f’id wara
l-ħġieġ tat-tieqa, kienu joqogħdu josservawha. Min
minnhom jaraha l-ewwel kien jgħid “Rajtha
l-kewkba!” u spiss kienu jgħiduha flimkien peress li kienu draw sew il-ħin li fih titfaċċa kif ukoll f’liema
naħa tas-sema.
U hekk saru ħbieb sewwa tagħha tant, li qabel ma
kien jimteddu fis-sodda biex jorqdu, dejjem kienu
jħarsu lejha għal darba oħra sabiex jagħtuha l-lejl
it-tajjeb; u malli għajnejhom tkun se taħbat se tmur
bihom kienu jgħidu talba ċkejkna, “Bambin, bierek
lill-kewkba!”
Imma meta t-tifla kienet għadha ċkejkna, ċkejkna
ħafna, tilfet saħħitha u tant kienet ma tiflaħx li ma setgħetx aktar tmur wara t-tieqa filgħaxija biex tara
lill-kewkba, għalhekk it-tifel, b’qalbu maqsuma, kien
jittawwal waħdu filwaqt li lil oħtu marida u b’wiċċha
lewn il-qarsa tax-xemgħa, kien jgħidilha “Rajtha
l-kewkba!” Imbagħad kienet tifforma tbissima u
b’leħen batut kienet tgħid, “Bambin, bierek lil ħija u
lill-kewkba!”
It-tifel iħares lejn il-kewkba waħdu
Għalhekk ma damx ma wasal iż-żmien li fih it-tifel
sab ruħu waħdu, u fuq is-sodda ma rax aktar lil wiċċ
oħtu; u fost l-oqbra l-oħra kien hemm qabar ċkejken
li qabel ma kienx hemm; u meta l-kewkba kienet
tiddi ħafna fuq wiċċu kien jaraha fid-dmugħ tiegħu.
Issa din id-dija tant kienet qawwija li bħal donnha
għamlet triq ta’ dawl qawwi li jagħti għall-ġenna,
hekk li meta t-tifel irtira fis-sodda solitarja tiegħu ħolom bil-kewkba; u ħolom li, minn fejn kien, ra
serbut twil ta’ nies immexxija mill-anġli. U l-kewkba
wrietu dinja kbira mdawla fejn kienu jinsabu ħafna
aktar anġli jistennewhom sabiex jilqgħuhom.
Dawn l-anġli kollha li kienu jinsabu jistennew, xeħtu
ħarsithom imdawla fuq dawk in-nies li kienu qegħdin
jinġarru lejn il-kewkba; u wħud minnhom ħarġu mir-
ringieli twal li kienu fihom u bisuhom bl-akbar
imħabba u marru magħhom f’toroq ta’ dwal, u kienu
jinsabu kuntenti fil-kumpanija tagħhom tant li
t-tfajjel ġewwa soddtu beka bil-ferħ li ħass.
Imma kien hemm ħafna anġli li ma marrux
magħhom, u fosthom kien hemm xi ħadd li huwa
kien jaf. Dak il-wiċċ marid li darba kien mimdud fuq
is-sodda kien imdawwal u gglorifikat, u sab li oħtu
kienet waħda mill-mistednin.
L-anġlu ta’ oħtu mexa bil-mod lejn id-daħla tal-
kewkba, u hija staqsiet lil min kien qed jieħu ħsieb
dawk li bdew jiddaħħlu, “Ħija ġej?”
It-tweġiba tiegħu kienet “Le.”
Hekk kif kienet qiegħda ddur lura biex tkompli sejra,
ħuha ġebbed idejh u qalilha ”Hawn jien, oħt! Ħudni
miegħek!” u daret u xeħtet ħarsitha mimlija dija
fuqu. U kien il-lejl, u l-kewkba kienet qiegħda tiddi
f’kamartu, fejn bdiet titfa’ raġġi twal diretti għal
fuqu u lil oħtu raha fid-dmugħ tiegħu stess.
Minn dak il-ħin ’il quddiem, it-tifel beda jħares lejn
il-kewkba bħallikieku hija d-dar li fiha jrid imur meta
jasal iż-żmien għalih; u ħaseb li huwa ma kienx
maħluq għal din id-dinja biss, imma wkoll għal dik
il-kewkba, għaliex l-anġlu ta’ oħtu diġa’ mar fiha.
IN-NOVELLA TAL-MILIED
Ħu dak it-tifel li għadu tarbija
Twieldet tarbija u din kienet maskili u kienet tiġi ħu
dak it-tifel; u mietet waqt li kienet għadha ċkejkna ħafna tant li lanqas kien għadu jaf jgħid kelma
waħda.
Għal darba oħra t-tifel ħolom b’dik il-kewkba
miftuħa u bil-kumpanija ta’ anġli, u s-serbut twil ta’
nies, u l-fillieri ta’ anġli b’għajnejhom jarmu d-dija
jħarsu lejn dawk in-nies.
Oħt dak it-tifel staqsiet lil min kien qed jieħu ħsieb
dawk li bdew jiddaħħlu, “Ħija ġej?”
It-tweġiba tiegħu kienet, “Mhux
dak, imma ħuk ieħor.”
Hekk kif dak it-tifel ra lil ħuh tarbija
f’dirgħajha qalilha: “Oħt, hawn
qiegħed jiena! Ħudni miegħek!” U
hija daret lejh u tbissmitlu.
U l-kewkba bdiet tiddi. Omm it-tifel tmut
Iż-żmien għadda u dan it-tifel sar
raġel żgħir, u kien okkupat ġmielu
bil-kotba meta l-qaddej anzjan mar
fuqu u qallu: “Ommok m’għadhiex
magħna. Ġejt inġib il-barka li tat
lill-iben għażiż tagħha!”
Filgħaxija, għal darba oħra, ra lill-
kewkba u lill-bqija l-oħra. Oħt
dak it-tifel staqsiet lil min kien qed
jieħu ħsieb dawk li bdew jiddaħħlu, “Ħija ġej?”
It-tweġiba tiegħu kienet, “Ommok ġejja.”
U għajta kbira ta’ ferħ instemgħet mal-kewkba
kollha għaliex l-omm ingħaqdet mill-ġdid ma’
wliedha. U r-raġel żgħir ġebbed dirgħajh u qal, “Ja ommi, oħti u ħija, jiena hawn qiegħed. Ħuduni
magħkom!” U dawk ilkoll weġbuh, “Mhux għalissa.”
U l-kewkba bdiet tiddi.
Bint dak ir-raġel tmut
Dak it-tifel li sar raġel żgħir, issa sar raġel sew,
xagħru bdiet issir griża, u kien jinsab bilqiegħda maġenb il-fuklar, imtaqqal bid-dulur, u wiċċu
xxarrab bid-dmugħ hekk kif il-kewkba reġgħet
infetħet mill-ġdid quddiemu.
Oħt dak it-tifel staqsiet lil min kien qed jieħu ħsieb
dawk li bdew jiddaħħlu, “Ħija ġej?”
It-tweġiba tiegħu kienet, “Le, imma ġejja bintu
xebba.”
U dak ir-raġel li darba kien tifel ra lil
bintu, mitlufa hija wkoll għalih,
ħlejqa anġelika qalb dawk it-tlieta u
qal, “Ras binti tinsab fuq sider oħti u
dirgħajha madwar għonq ommi, u
fejn riġlejha hemm it-tarbija ta’
darba, qiegħed nisma’ s-sejħa tiegħi
biex jien wkoll nitlaq minn hawn,
ikun imfaħħar Alla!”
U l-kewkba bdiet tiddi.
Ir-raġel jara lill-kewkba għall-aħħar
darba.
Ġara li t-tifel sar raġel xiħ. Dak
wiċċu li darba kien lixx issa
tkemmex, u l-passi tiegħu tqalu u
saru bla saħħa, filwaqt li dahru
tgħawweġ. Lejla waħda waqt li kien
jinsab mimdud fuq is-sodda tiegħu, b’uliedu madwaru, qal bħalma qal
bosta drabi qabel, “Qiegħed nara l-
kewkba!”
Uliedu qalu minn taħt l-ilsien, “Qiegħed imut.”
U qal: “Iva. Għomri qiegħed jaqa’ minn fuqi kif taqa’
biċċa ħwejjeġ, u riesaq lejn il-kewkba bħala tifel. U
issa, Missier, nirringrazzjak talli spiss ħallejtni nara
lill-għeżież tiegħi li jinsabu jistennewni.”
U l-kewkba bdiet tiddi; u iddiet fuq il-qabar tiegħu.
IN-NOVELLA TAL-MILIED kont...
MILIED IEĦOR Ftit ftit qed jerġa’ joqrob Milied ieħor:
ġa qed inħoss is-seħer tiegħu fija;
u għad li hi mitfija l-kewkba tiegħi, se’ terġa’ tixgħelhieli l-Fantasija:
u fid-dawl tagħha jien se nerġa’ nemmen
il-kliem sabiħ maħżuż fil-kartolini;
se’ nerġa’ nsib mill-ġdid il-ferħ ta’ dari,
u nerġa’ nemmen li mhux se’ jħallini.
Se’ nerġa’ nħossha ħelwa l-fewġa kiesħa
ta’ nifs Diċembru jonfoħ fuq ħaddejja;
u r-riħa mingħajr fwieħa tal-ġulbiena
se’ nerġa’ nxommha tfewwaħ f’imnifsejja.
Se’ nerġa’ nara par idejn maħbuba
jixegħlu xemgħat ħomor fuq il-friegħi;
nar’hom mill-ġdid iqarstu ir-rigali,
u nerġa’ nemmen illi għadhom tiegħi!
Se’ nerġa’ nagħmel wegħda lili nnifsi
li s-seħer ma nitfihx mad-dwal milwiena;
se’ nerġa’ għal sena oħra ngħix bit-tama li qalbi tħoss dak li ngħidilha jiena!
ALFRED PALMA
NATALE NON SA CHE DI SPENTI SAPORI
Solitaria la riva che languido il mare accarezza
levigati i colori che il sole dipinge di luce
e pallido staglia nei toni di azzurro del cielo
riposano barche in attesa di nuove stagioni
dormono quiete scogliere sul pelo dell'acqua
fa rumore la gente che vuole sentirsi di fuori:
è il tempo in cui tutti si credono buoni e sinceri
e godono semplici cose che pagano care
negli occhi sazi nei cuori non trovi
sorprese
illusione ci inganna di essere ancora legati.
di credere ancora ai rapporti che umani dicemmo
oggi tu vivi
in chiuso sentire abitudini
Natale
non sa che di spenti sapori
GIUSEPPE NAPOLITANO Italja
L-AĦĦAR TOKKI TA' DIĊEMBRU
L-aħħar tokki ta' Diċembru,
appik waslu, se jibdew,
tista' tgħid id-dinja kollha,
ħafna nies qed jistennew,
L-aħħar tokki ta' Diċembru,
l-ewwel nota diġa' bdiet,
kollox siket, kollox ħemed,
f'daqqa waħda waqa' s-skiet.
L-aħħar tokki ta' Diċembru,
qed iħabbru tibdil sħiħ,
sena tmut oħra titwieled,
bla ma ħadd jaf x'hemm għalih.
L-aħħar tokki ta' Diċembru,
jorbtu tnejn mill-isbaħ xhur,
wieħed eku tal-imgħoddi,
l-ieħor bxara tal-futur.
L-aħħar tokki ta' Diċembru
waslu fl-aħħar, qed jinfnew,
fadal tnejn, jonqos biss waħda,
issa kollha f'salt għaddew.
L-aħħar tokki ta' Diċembru,
għaddew kollha u spiċċaw,
fadal biss li sena ġdida,
riżq u barka nawguraw.
CHARLES MIFSUD
IL-POEŻIJI
MINN FUQ L-IXKAFFA
INTERMEZZI—ĠABRA TA’ 30 NOVELLA ta’ Lina Brockdorff, KKM, 2012.
Mill-kumment ta’ George Peresso: “Lina Brockdorff hija mħarrġa sew fil-kitba fejn
il-passat isir l-arkivju tal-memorja […] Fil-proża mistħajla, l-arkivju tal-memorja hu
preżenti wkoll. Hu li jqanqal. Hu li jnebbaħ. Hu li jsawwar ċerti ideat, saħansitra
fl-għażla ta’ metafori u tixbihat. Jew fis-soppressjoni ta’ ċerti fatti. Il-memorja li
tuża Brockdorff f’din il-ġabra mhix il-memorja kollettiva storika, imma l-memorja
personalizzata f’ambjent soċjali. Il-memorja rrakkontata u li tirrakkonta
f’Intermezzi hija esperjenza li għandha bidu fil-psikoloġija umana u li ssawwar
il-personalità tagħna, forsi anki bħala persuna distinta u awtonoma, imma li
intrinsikament issib lilha nfisha, il-passat tagħha, f’ħaddieħor.”
XBIHAT TAL-ANTENATI/ANCESTRAL VISIONS ta’ Marlene Saliba, 2011.
Mill-qoxra ta’ wara: “Fil-poeżiji tagħha bil-Malti u bl-Ingliż, Marlene Saliba
tiddeskrivi b’mod tassew kommoventi n-nies ammirevoli li bnew l-imqades
Neolitiċi ta’ art twelidna u tirrifletti dwar ir-relevanza tal-kultura tagħhom għalina.
Ir-ritratti mill-isbaħ u x-xbihat ta’ xogħlijiet evokativi ta’ diversi artisti mis-seklu
tmintax sal-lum iżidu d-dimensjoni viżiva tal-ħajja ta’ dawn l-antenati tal-Gżejjer
Maltin—ħajja li b’għadd ta’ modi tista’ titqabbel ma’ tagħna, ngħixu f’liema rokna
tad-dinja ngħixu. Il-fotografija prinċipali tal-fdalijiet Neolitiċi hi ta’ Daniel Cilia.”
Il-ktieb għandu “Daħla” mill-Prof. Oliver Friggieri u oħra minn Jay Ramsay, u anki
“Kelmtejn tal-Awtriċi”.
L-GĦANJA TAT-TIFKIRA, damma ta’ poeżiji ta’ Joe M. Attard
Il-Kav. Joe M. Attard minn Għawdex jista’ jissejjaħ “Il-Poeta tal-Kummissjoni u tal-
Okkażjoni” għax il-biċċa l-kbira tal-poeżiji tiegħu nkitbu wara li ġie avviċinat biex
ifakkar anniversarji jew okkażjonijiet importanti kemm privati kif ukoll pubbliċi.
Juża ħafna l-vers popolari u mexxej tat-tmienja. Dan il-ktieb jinqasam f’ħames
taqsimiet ewlenin: Okkażjonijiet Speċjali, Anniversarji, Il-Festi Tagħna, F’Jum
il-Mewt, u Mixxellanja. Il-ktieb għandu produzzjoni ta’ Joe Zammit Ciantar u studju
qasir mill-pinna tal-Prof. Oliver Friggieri. L-Għanja tat-Tifkira jittratta l-ħajja tal-
Għawdxin, f’waqtiet ta’ ferħ u ta’ niket, u temi bħalma huma l-paċi, il-ħajja,
iż-żgħożija, u d-dinja ta’ madwarna, fost oħrajn.