8

Hemper Ohloq Tbissima - Randan 2012

Embed Size (px)

DESCRIPTION

Hemper minghand familja Maltija ghal ghand familja fil-Peru

Citation preview

Oħloq Tbissima - 2011 - rendikontPermezz tal-Maratona Oħloq Tbissima li saret is-sena li għaddiet, fl’2011, inġabret is-somma sabiħa ta’ €217,932.04. Wara li tnaqqsu l-ispejjeż li tinvolvi l-maratona, ċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja (ĊAM) qassam il-fondi miġbura b’dan il-mod: €34,196.00 ingħataw lid-Dar ta’ San Ġużepp f ’Santa Venera €34,195.72 ingħataw lill-Missjoni li s-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) għandha fil-Filippini €34,187.37 tqassmu lill-Missjoni tal-MSSP fil-Perù, €34,196.00 ingħataw lill-Missjoni tal-Pakistan €34,568.24 ingħataw għall-proġetti ta’ evanġelizazzjoni hawn Malta permezz taċ-ĊAM Productions int. fi ħdan l-MSSP.

L-għan ta’ din il-Maratona hu li jinġabru fondi b’risq id-diversi missjonijiet fdati f ’idejn is-Soċjeta’Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), filwaqt ukoll, li titqajjem kuxjenza missjunarja. Għahekk, il-flus ser jintużaw biex jitkompla x-xogħol siewi li qed isir permezz ta’ diversi proġetti li qed jitwettqu. Lokalment, il-flus ser jintużaw fi proġetti f ’Dar San Ġużepp f ’Santa Venera, fejn saċerdot flimkien ma’ lajċi jaħdmu b’dedikazzjoni biex jieħdu ħsieb lis-subien li tilqa’ fiha din id-Dar. Il-flus ser jintużaw ukoll sabiex il-Kelma t’Alla tiġi mxandra permezz ta’ programmi televiżivi u permezz tal-kitba.

Barra minn xtutna, diversi saċerdoti tal-MSSP ukoll jaħdmu b’impenn u mħabba sabiex iwettqu l-ħidma missjunarja tagħhom. Dawn il-flus ser jintużaw biex fil-Peru jkomplu bil-ħidma f ’diversi parroċċi. Minbarra x-xogħol pastorali u spiritwali, huma jagħtu għajnuniet bażiċi bħal ikel u ħwejjeġ, jieħdu ħsieb dar residenzjali li tilqa’ fiha numru ta’ tfal, iżuru l-anzjani u l-morda, joffru edukazzjoni lit-tfal,jieħdu ħsieb kċejjen pubbliċi, joffru servizzi mediċi f ’ċentri tas-saħħa u anke jagħtu saqaf lill-familji fil-bżonn.

Fil-Filippini, minbarra l-ħidma spiritwali u pastorali, permezz ta’ dawn il-fondi ser ikomplu bi proġetti fejn joffru programmi ta’ edukazzjoni lit-tfal u ż-żgħażagħ u jmexxu anke feeding programme fejn jitqassam ikel sustanzjuż f ’diversi żoni, kif ukoll jingħataw taħriġ kif jaħdmu l-art u jrabbu l-bhejjem.

Fil-Pakistan, il-ħidma missjunarja hija l-aktar fil-qasam tal-edukazzjoni.

Minn qalbna nirringrazzjaw lill-benefatturi kollha tal-għajnuna li jagħtuna matul is-sena u b’mod partikolari f ’din il-Maratona li saret appuntament annwali. Oħloq Tbissima 2012 se ssir bejn it-13 u l-15 ta’ Lulju.

Tislima Il-logo jew il-frażi tagħna hija Oħloq Tbissima. U kull ħaġa li nagħmlu trid tkun imdawwla minn din l-attitudni. Forsi tgħiduli imma toħloq tbissima mhux biżżejjed - il-ħajja tisten-na iżjed. Veru, imma qabel kull sten-nieha miċ-Ċentru Animazzjoni Mis-sjunarja nemmnu li l-ħajja hija rigal, li tagħti jew tirċievi huwa rigal, li titwieled f ’pajjiż jew f ’ieħor huwa rigal, li jkollok età jew oħra, raġel jew mara, taf l-iskola jew le, li qed tgħix huwa rigal. Għalhekk b’dan is-sens l-istedina tagħna meta nitolbukom biex tgħinu l-kawża tagħna nixtiequkom li tagħmluha b’sens ta’ rigal - hekk ikun hemm tbissima anke minn naħa tagħkom u meta l-għajnuna tmur għand min ikollu bżonnha, jirċeviha bħala rigal u ovvjament parti mill-gratitudni hija t-tbissima għax jifhmu li xi ħadd ħaseb fihom. B’din l-ideja din is-sena ukoll qed nerġgħu nagħmlu kontejner ieħor biex fil-ġimgħa ta’ wara l-Għid nibgħatuh mimli ħempers biex jitqas-sam għand familji fqar li magħhom qed jaħdmu l-missjunarji Maltin fil-Perù. Jekk tixtieq li parti mis-sagrifiċċju tar-Randan ikun ukoll dan il-ħemper tkun qed tagħmel karità biex il-penitenza tiġi barka. Fr Lewis Mallia - direttur

Adoloxxenti u koppji żgħar bit-tfal

Waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ faqar u miżerja fil-Perù hija l-kwantità ta’ koppji żgħar li jkollhom tarbija fis-snin bikrin ta’ ħajjithom.  Ħafna tfajliet adoloxxenti jispiċċaw tqal minħabba nuqqas ta’ edukazzjoni u formazzjoni meħtieġa għall-futur. Ħafna jkollhom jieqfu mill-iskola jew mill-karriera li jkunu se jaqbdu biex jieħdu ħsieb it-tarbija tagħhom.  Problema ikbar tkun meta l-ġuvni jitlaq lit-tfajla għax tkun tqalet u ma jkunx lest li jmantni lit-tarbija minħabba nuqqas ta’ xogħol u r-responsabilità kbira li taqa’ fuqu. Hija ħasra kbira għal tant żgħażagħ li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ problemi kbar minn età tant żgħira. Is-soluzzjoni ħafna drabi tkun li koppji żgħar u adoloxxenti jgħixu mal-ġenituri tagħhom biex jiggwidawhom u jappoġjawhom fin-nuqqas ta’ esperjenza li jkollhom.  Fid-dar fejn jgħixu, barra l-kwantità ta’ persuni li joqgħodu hemm u l-ispazju żgħir, ma jkunux weħidhom għax ħafna drabi jkun hemm aħwa oħra bl-istess problema. Huwa misteru kif isolvu l-problema tal-ikel, ilbies u ħwejjeġ oħra.  Ħafna drabi, każijiet bħal dawn jirrikorru għand il-knisja jew istituzzjonijiet oħra biex jgħinuhom. Ma nafx kemm każijiet jiġu għandna l-missjunarji matul is-sena kollha!  Nippruvaw nagħmlu li nistgħu biex nagħtuhom daqqa t’id. Il-ħajja tirriżulta diffiċli ħafna għall-koppji bħal dawn.  Ngħinuhom b’ikel, ħwejjeġ u affarijiet għat-tarbija.  Ġieli nippruvaw ngħinuhom isibu xi xogħol ukoll, speċjalment lill-missirijiet bħal dawn biex ikollhom minn fejn imantnu l-familja. Ngħinuhom ukoll b’servizzi psikoloġiċi u assistenza soċjali b’pariri u ippjanar tal-familja. L-aktar li jkollhom bżonn huwa li xi ħadd jismagħhom u jgħinhom isolvu l-problemi emozzjonali u psikoloġiċi li jiżviluppaw matul it-tqala u fl-ewwel snin tal-ħajja tat-tarbija.

Grazzi liċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja u istituzzjonijiet oħra li jgħinu lill-missjoni.  Grazzi lilkom benefatturi, qraba u ħbieb li dejjem taħsbu fil-missjoni u tgħinu b’dak kollu li tistgħu.  Ħafna każijiet jiġu mgħejuna bl-għajnuna tagħkom.  Kieku ħafna nies jibqgħu jbatu u ma joħorġu qatt mill-faqar estrem li jkunu fih. L-għajnuna lill-missjoni hija għotja ta’ tama lil ħafna nies fil-bżonn.  Tfajliet u ġuvintur li jkunu għaddew minn tfulija kiefra u qalila ma jibqgħalhomx tama għall-ġejjieni jekk ma jsibux lil xi ħadd li jħobbhom u jagħdirhom.  Din hija l-missjoni vera tagħna; li nagħtu tama lil min qed iħabbat wiċċu bejn ħajja u mewt, iktar u iktar meta l-ħajja ftit għandha valur quddiem tant sfidi fejn jirnexxilu jgħix biss min hu b’saħħtu u setgħan.

Ix-xewqa ta’ kull nisrani hija li jagħti opportunità lil ħaddiehor biex jgħix ukoll. J’Alla din is-sena l-ġdida, 2012, tkun sena fejn ilkoll nibqgħu ngħinu lil min hu fil-bżonn, l-aktar fil-missjoni. Aħna l-missjunarji qed inkunu l-pont bejnkom il-benefatturi u dawk in-nies fil-bżonn li m’għandhom lil ħadd min jaqbeż għalihom. Ejjew nagħmlu mid-dinja post xieraq għal kulħadd fejn il-fqir jgħix mas-sinjur u fejn d-dgħajjef jgħix mas-setgħan. Il-Mulej ibierek lilkom ilkoll u lill-familji tagħkom u jagħtikom dak kollu li tixtieq qalbkom. Fr Victor Zammit mssp

Mill-Filippini

Għaddiet sena minn mindu tlaqt minn Malta biex nibda ngħix u nservi lill-Mulej fil-Filippini. Is-sena għaddiet f ’ħakka t’għajn u l-esperjenzi li kelli vera kienu sbieħ. Il-ħidma tiegħi hi prinċiparjament maż-żgħażagħ peress li nieħu ħsieb il-ħidma vokazzjonali u l-formazzjoni ta’ dawk il-Filippinos li jidħlu magħna.

Għall-grazzja t’Alla, hawnhekk il-fidi għadha b’saħħitha u fl-attivitajiet kollha organizzati mill-Knisja għadek tara ħafna żgħażagħ attivi. Per eżempju, waħda mill-attivitajiet li norganizzaw hija quddiesa għan-nies fqar li jgħixu fl-isquatters ta’ ħdejna. Meta nibgħat messaġġ liż-żgħażagħ arhom ġejjin bi ħġarhom biex jgħinu; min jarma l-kappella, min jipprepara l-kant, min jipprepara xi żifna, min iqassam il-ħelu lit-tfal. Attività oħra li nagħmlu hi laqgħa ta’ talb kull nhar ta’ Tnejn għal dawk li qed iħossu f ’qalbhom lill-Mulej qed isejjħilhom u qed ifittxu xi jrid minn għandhom. Ħafna minnhom jibqgħu ġejjin wara ġurnata l-università, oħrajn jiġu wara x-xogħol u oħrajn jivvjaġġaw ‘il fuq minn siegħa biex jiġu. Tara d-dedikazzjoni u kemm jieħdu l-ħajja tagħhom bis-serjetà. Dan kollu, jien nagħmlu bl-għajnuna taż-żewġ ‘Brothers’ li bħalissa huma fdati f ’idejja, Bro. Mike u Bro. Leo. Flimkien nippjanaw u mmexxu ‘live-ins’, laqgħat u ‘out-reaches’. Ħidma ta’ ħafna paċenzja imma fl-istess ħin sabiħa u li tħalli l-frott.

Jien nitlobkom biex tkomplu titolbu għalina ħalli jekk Alla jrid, ħafna iktar żgħażagħ iwieġbu għas-sejħa tal-Mulej biex ikunu missjunarji bħalna u biex inkomplu naħdmu f ’din l-għalqa vasta tal-Mulej.

Fr Stephen Mifsud mssp

Xogħol u l-FamiljaKont mort inqaddes f ’żona magħrufa bħala Proġett 6, kif nagħmel kull nhar ta’ Ħadd filgħodu. Wara l-quddiesa xrobt malajr il-kafè u ħriġt sabiex niltaqa’ ma’ dawk li kienu għadhom barra jitkellmu quddiem il-Kappella. Wara ftit, giet waħda mara u qaltli li xtaqet tkellimni ftit. Morna fis-sala li hemm maġenb il-kappella u li sservi speċi ta’ uffċċju, u bdiet tirrakonta l-istorja tagħha. Qaltli li żewġha kien miet madwar sentejn qabel fit-Taiwan. Huwa mar hemm bħala ħaddiem ma’ kumpanija Ċiniża fil-qasam tal-bini. Hi qaltli wkoll li huma kellhom jisselfu US$ 7000, biex jidħol fit-Taiwan bħala ‘Migrant Worker’, ħaddiem b`kuntratt ta’ tlett snin, li seta’ jiġġedded għal sena oħra. Però ġara li wara seba’ xhur jaħdem hemm sfortunatament miet f`inċident fuq il-post tax-xogħol. Kellhom iħallsu somma oħra biex iġibuh lura u jagħmlu l-funeral f ’Manila.

Issa t-tifel il-kbir tagħha, li għandu madwar għoxrin sena kien ukoll qed jitħabat biex imur jaħdem fit-Taiwan ma’ kumpanija oħra. Dan kien neċessarju ħalli hu jsostni l-familja minflok missieru. Din hija komuni ferm hawnhekk fil-Filippini, u meta l-missier imut, ir-responsabbiltà taqa’ fuq it-tifel il-kbir. Fit-Taiwan hemm madwar 90,000 elf Filippino jaħdmu bħala Over Seas Workers (OFW). Ħafna drabi, l-istess bħall-istorja ta’ dan il-ħaddiem, ikollhom iħallsu somom kbar ta’ flus sabiex imorru hemm. Jagħtuhom l-iktar xogħol perikoluż jew li l-lokali ma jridux jagħmlu. Din hija forma oħra ta’ skjavitù moderna u komuni li qegħda tolqot eluf ta’ eluf.

Peress li l-Gvern preżenti għandu relazzjoni tajba mal-Gvern tat-Taiwan, ħafna qed jiġu mħajjra jmorru jaħdmu barra l-pajjiż, bit-tama li huma jsibu futur aħjar. Din hija realtà komuni ferm, li qed tolqot bosta u bosta familji Filippini. Tant saret komuni li anke f`Malta illum il-ġurnata tara ħafna li jiġu f`pajjiżna jfittxu xogħol u ħajja aħjar għall-familji tagħhom. Sliem u Paċi

Fr Lonnie Borg mssp

Djarju ta’ xahar fil-ħajja tal-fqar fil-Pakistan

Ix-xahar ta’ Settembru għall-insara fil-Pakistan ifisser l-ewwel u qabel kollox pellegrinaġġ lejn is-santwarju tal-Madonna f ’Mariamabad. Din nistgħu insejħulha “L-Madonna tal-Fqar” għax hemm, il-fqar, fit-tbatija tagħhom isibu ‘l min jagħti widen għal talbhom. Naħseb li din is-sena kellhom iktar talb u stejjer ta’ tbatija x’jippreżentaw quddiem il-Madonna.

Ibda mit-tbatija ta’ ħames, tmien, għaxar siegħat mingħajr elettriku kuljum. Dan mhux minħabba ħsara imma rutina. Il-korruzzjoni li hemm f’dan id-dipartiment wassal biex lanqas baqa’ flus biex jixtru ż-żejt li għandhom bżonn għall-power stations. L-agħar hu li jekk familja tonqos darbtejn li tħallas il-kont jaqtgħulha d-dawl. Il-fabbriki u l-kbarat, minn naħa l-oħra qatt ma jħallsu imma l-gvern dejjem jipproteġiehom naturalment għax jew huma politikanti jew “ħbieb tal-ħbieb”.

Sadanittant, rapport uffiċċjali mill-WB jgħid li l-paga tal-ħaddiem bl-ebda mod m’ hi qegħda tlaħħaq mal-prezzijiet tal-ikel. Hu normali hawn li fir-Ramadan, il-prezzijiet tal-ikel jogħlew, iżda normalment jerġgħu għal li kienu hekk kif jgħaddi. Din is-sena spiċċa r-Ramadan imma l-prezzijiet baqgħu l-istess. Illum, li familja ta’ ħaddiem tiekol frotta hu lussu. Minn stħarriġ li sar, instab li ‘l biċċa l-kbira tal-familji m’għadhomx jistgħu jixtru l-ikel li kienu jieklu ħames snin ilu għax il-paga issa ma twassalx.

Wara x-xita tal-monsoon jiġu n-nemus u magħhom jiġi ħafna mard. Hu d-dmir tal-gvern li f ’dan iż-żmien jiffumiga toroq, postijiet pubbliċi u anki d-djar tan-nies. Din is-sena dan ma sarx. Każ ieħor ta’ korruzzjoni hu li l-magni baqgħu bil-ħsara waqt li xi ħadd biegħ il-kimika u tefa’ il-flus f ’butu. Konsekwenza ta’ dan infirex dak li hu magħruf bħala “Dengue Fever”; tip ta’ deni li jwassal anki għall-mewt. Dan minbarra l-malarja u t-tefojde li hawn huma komuni. Lahore u diversi bliet spiċċaw b’epidemija li mliet l-isptarijiet u waslet għal numru kbir ta’ mwiet.

Faryal Bhatti, tifla nisranija ta’ tlettax-il sena, kienet qed tagħmel eżami ta’ l-Islaamyat, it-tagħlim ta’ l-Islam. Ħadet żball waqt li kienet qegħda tikteb, minflok tikka għamlet tnejn, u dan bidel is-sens tal-kelma. L-għalliema ddeċidiet li tirrapurtaha li wetqet “dagħwa”. Qam storbju sħiħ u t-tifla tkeċċiet mill-iskola, u ommha li taħdem bħala infermiera, tilfet l-impjieg tagħha waqt li l-familja kollha kellha taħrab mill-belt fejn kienu joqgħodu għax kienu f ’periklu li anki jitilfu ħajjithom. Dan kollu minħabba żball tal-pinna! Din hi t-tip ta’ tensjoni li jgħixu fiha l-insara u l-minoranzi hawnhekk.

F’Malta, f ’Settembru wkoll niċċelebraw il-festa tal–Madonna tal-Vittorja. Il-Madonna li tisma’ t-talb tal-fqar fil-Pakistan, tħeġġeġ qlub ġeneruzi f ’Malta li jiftakru f ’ħuthom fil-bżonn. B’dan il-mod, is-Setgħani jagħmel ħwejjeġ kbar.

Fr Pierre Bonnici mssp